Lokali Parlament

Jeħtieġ soluzzjonijiet għall-problemi tal-iskart, parkeġġ u storbju eċċessiv f’diversi lokalitajiet

Graziella Galea, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Graziella qalet fl-Aġġornament tal-Parlament li jeħtieġ soluzzjonijiet għall-problemi tal-iskart, parkeġġ u l-istorbju eċċessiv f’diversi lokalitajiet.

Hi tkellmet ukoll dwar l-istaġun tal-festi u qalet li issa li kważi l-festi kollha għaddew u għal darb’oħra hu dmir dawk kollha li mingħajrhom il-festi ma jsirux ikunu ringrazzjati fosthom l-għaqdiet tal-baned, il-kmamar tan-nar, dawk li jwettqu tant preparamenti fil-knejjes u dawk li jerfgħu l-istatwi għaliex dawn kollha jwasslu għas-suċċess tal-istess festi.

Hi sellmet lill-voluntiera kollha li jieħdu sehem f’dawn il-festi. Mijiet ta’ għaqdiet u eluf ta’ persuni kollha jaħdmu biex il-festa tal-lokalità tkun wahda ta’ suċċess. Fost dawn hemm persuni ta’ etajiet differenti, inkluż ammont sabiħ ta’ żgħażagħ, kemm nisa u kemm irgiel, ilkoll jaħdmu għal għan wieħed.

Dawn l-għaqdiet kollha għandhom ikunu rikonoxxuti għal dak li jwettqu. Dawn kollha jixirqilhom kull tifħir.

Hi semmiet diversi problemi fis-soċjetà fosthom l-istorbju u l-parkeġġ li qed tolqot iktar postijiet bħal San Pawl il-Baħar, fejn skont risposta parlamentari li ta l-Ministru tat-Trasport hawn iktar minn 28,000 vettura zgħar reġistrati u eluf oħra ta’ vetturi kummerċjali li huma reiġstrati fuq persuni li għandhom residenza f’San Pawl il-Baħar.

Hi tkellmet dwar l-istorbju u qalet li din il-problema kienet u ghadha iktar evidenti f’San Pawl il-Baħar, fejn il-bosta ħwienet kummeċjali għandhom id-drawwa li jħallu mużika għolja għaddejja kontra kull mistenni mir-residenzi tal-madwar.

F’dan il-każ l-ikbar problemi li kellmuni fuqhom in-nies kienu ġejjin minħabba storbju f’San Pawl il-Baħar. Din is-sena wkoll kien hemm żieda kbira ħafna ta’ lmenti minħabba dik li hi diċenza fil-lokalità. L-ilmenti kienu ħafna u għadhom għaddejjin il-ħin kollu.

Qabel is-sajf il-ministru responsabbli mill-Pulizija wieġeb domanda parlamentari fejn ta l-impressjoni li l-Pulizija m’għandhomx iservu ta’ pulizija tal-kontroll tal-morali. Madanakollu, l-indiċenza, hi fiha nfisha ksur ta’ dak li hu mistenni mill-bnedmin, u allura nemmen li l-Pulizija għandha tara li ma jibqax ikun hemm nies iktar għarwenin milli mlebbslin, jiġru fit-toroq.

Dan għandu jigi osservat ukoll minn dawk li għandhom in-negozji. Mhux sewwa li nies prattikament għarwenin jitħallew jidħlu fi stabilimenti kummerċjali. Is-sidien ukoll għandhom jagħtu sehemhom. Għandhom jassiguraw li fil-verità jinqatgħu l-esaġerazzjonijiet fl-imġiba tal-klijenti tagħhom ukoll.

Hi appellat ukoll għal dawk kollha li qed jipproponu żviluppi kbar. Il-kostruzzjoni qiegħda ssir problema dejjem ikbar għal dawk li joqogħdu qrib bini li jkun tiela’. F’dan is-sens, ghalkemm il-problema hi mifruxa ma’ bosta nħawi, bħalissa l-iktar post li jinstab taħt assedju hi x-Xemxija, fejn kull kantuniera hi sit ta’ kostruzzjoni, jew fejn dak li kien meqjus li mhu se jinbena qatt, issa qed jigi propost li jinbena.

Jekk irridu li nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja, irridu naraw li mhux biss ikollna festi sbieħ u ċelebrazzjonijiet kbar. Irridu naraw ukoll li l-kwalità tal-ħajja tagħna ntejbu kull ħin, b’kull azzjoni li nwettqu, sosniet id-deputat Nazzjonalista.

F’dan is-sens hi appellat biex ikun hemm iktar cameras fil-lokalitajiet li bihom jista’ jkun hemm iktar sigurtà u iktar indafa. Ma jfissirx li l-lokalitajiet isiru big brother iżda żgur li f’ċertu żoni l-preżenza ta’ cameras jistgħu jservu ta’ deterrent lejn dawk li b’xi mod ikunu qegħdin jiksru jew jaħsbu biex jiksru l-liġi.

Hi għamlet riferenza għat-turf li għadu kemm sar fil-ground tal-iskola ta’ San Pawl il-Baħar. Dan hu ground li issa jista’ jitgawda aħjar mit-tfal li hattendu din l-iskola. Inizjattivi bħal dawn iridu jiġu mfaħħra u hu ttamat li jkun hawn inizjattivi simili f’lokalitajiet oħra. Hi tkellmet ukoll dwar iż-żieda fil-popolazzjoni u turiżmu f’lokalitajiet turistiċi u kkritikat in-nuqqas ta’ dixxiplina fil-ġbir tal-iskart.

Bħala soluzzjonijiet id-deputat Nazzjonalista semmiet iż-żieda fil-frekwenza tal-ġbir tal-iskart, iktar edukazzjoni u multi għal min ma jobdix ir-regoli u liġijiet.