Wara dikjarazzjonijiet pubbliċi mill-FDA fl-Istati Uniti, l-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu hawn f’Malta stqarr kif dawn id-dikjarazzjonijiet saru iżda mhemm l-ebda studju li jikkonfermahom.
Il-Kunsill konsultattiv dwar l-Awtiżmu tħeġġeġ għal attenzjoni mmedjata, wara li saru xi dikjarazzjonijiet pubbliċi dwar ċertu mediċina u l-awtiżmu mill-Food and Drug Administration (FDA) tal-Istati Uniti.
L-ewwel punt li ġie mqajjem kien dwar il-mediċina paracemtamol, mediċina li hawn Malta hija magħrufa l-aktar bil-marka Panadol, fejn l-FDA allegaw li din hi marbuta ma’ riskju għoli li jikkawża l-awtiżmu fit-trabi waqt it-tqala. Għalkemm ġew kwotati diversi studji, m’hemm xejn f’dawn l-istudji li juri prova ta’ kawża diretta.
Il-fatt li xi nisa ħadu panadol waqt it-tqala, u llum it-tfal tagħhom għandhom l-awtiżmu, ma jfissirx li hemm rabta diretta bejn it-tnejn, dan sakemm ir-riċerka tkompli turi li m’hemm l-ebda konsistenza jew regolarita.
Fil-fatt, Harvard ġie kwotat li eżamina 46 studji differenti, li kollha kkonkludew riżultati nkonsistenti.
Intant, l-aġenzija Ewropea għall-Mediċina ħarġet stqarrija fejn ikkonfermat li l-linji gwida tal-użu tal-panadols waqt it-tqala ma nbidlux.
L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina stqarret kif sakemm ma jkollniex evidenza konkreta u xjentifika, huwa inġust li jiġu mressaq tali teoriji li jpoġġi lin-nies taħt sens ta’ ħtija, li jispiċċaw jaħsbu li huwa tort tagħhom li t-tfal għandhom l-awtismu għax ħadu Panadol waqt it-tqala.
L-Aġenzija ġibdet l-attenzjoni wkoll dwar l-użu tas-sustanza leucovorin. Sustanza li hawn f’Malta tintuża biss fuq pazjenti li qed jieħdu l-kimoterapija. Għalkemm kien hemm każijiet fejn jdher li kien hemm possibiltà ta’ titjib fid-diskors fi tfal li jitkellmu ftit ħafna, ir-riżultati għadhom bikrijin. Intant, ikun irrisponsabbli li wieħed jippreskrivi din is-sustanza lit-tfal, qabel ma jkun hemm provi kliniċi fuq skala kbira u mmexxija kif suppost sabiex din it-teorija tiġi vverifikata.
Il-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu rrimarka l-pożizzjoni tiegħu li għandu d-dmir u r-responsabbilità lejn persuni li għandhom l-awtiżmu u żguraw li ser ikomplu jippromwovu biss azzjonijiet affidabbli u bbażati fuq xjenza soda.
//= $special ?>