Salvinu Mangion ta’ 71 sena, residenti l-Birgu wieġeb mhux ħati li qatel lil Kyle Mifsud ta’ 33 sena minn Bormla. Mifsud ta’ 33 sena tilef ħajtu fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn wara li tilef il-ġlieda mal-mewt hekk kif il-Ħadd waranofsinhar intlaqat b’tir ta’ senter tal-kaċċa fl-istonku tiegħu, allegatament tir sparat mill-anzjan. Mangion qal lill-Qorti li huwa twieled Ħaż-Żabbar u li hu pensjonant.
Huwa kien mixli wkoll b’pusses ta’ arma tan-nar bla liċenzja u li ntużat biex jikkommetti reat. Il-każ seħħ wara tilwima bejn Mifsud u l-anzjan fil-qasam tad-djar fiz-zona tal-Ħawli l-Birgu. Il-Pulizija investigat id-dinamika ta’ kif seħħ il-każ, bl-anzjan jiġi arrestat fl-akkwati ftit wara l-isparatura u l-Pulizija sabet ukoll is-senter tal-kaċċa li allegatament intuża fl-isparatura.
Il-prosekuzzjoni qalet li fil-21 ta’ Settembru, il-Pulizija kienet infurmata fis-1.07pm. fi Triq il-Qalb ta’ Ġesù, persuna kellu ħafna demm u saret talba għall-ambulanza. Meta marret il-Pulizija fuq il-post sabet lill-vittma fil-parti tat-taraġ tal-komun, b’ferita f’żaqqu u kien għadu konxju fejn fil-fatt huwa stqarr magħhom li Salvu li joqgħod fl-istess binja, kien sparalu.
Tal-ambulanza tawh l-ewwel għajnuna, u ħaduh Mater Dei, it-tifel ta’ Salvu Mangion kien qal b’kollox lill-Pulizija fuq dak li kien seħħ. Hawn il-Pulizija rat li Salvu jinsab tajjeb u bl-għajnuna tat-tifel sabuh ftit wara ‘Wesa’ Mattia Preti fl-istess lokalità u ġie infurmat bl-arrest tiegħu, dritt tas-silenzju u dritt tal-avukat.
Sa dak il-ħin il-vittma kien għadu ħaj u ngħata l-għajnuna medika. L-investigazzjoni minn naħa tal-Pulizija għall-ewwel ikkonċernat fuq każ ta’ attentat ta’ qtil imma wara li Mifsud tilef ħajtu d-dinamika nbidlet u hawn il-każ tela’ għal qtil involontarju.
L-Avukat tad-difiża Franco Debono, assistit mill-Avukati Adreana Zammit u Marion Camilleri, qal fil-Qorti li ma kienx qed jikkontesta l-validità tal-arrest u staqsa jekk hux minnu li xi żmien ilu l-vittma nstab ħati ta’ serqa fil-konfront tal-akkużat u dan seħħ sentejn ilu.
Il-parte civile mmexxija mill-Avukat Nicholas Mifsud talbu għall-ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-familja tal-vittma. Il-Qorti laqgħet it-talba bil-Maġistrat Abigail Critien tinforma lill-akkużat li bl-ebda mod ma jista’ jikkomunika magħhom.
Ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju ta’ Mangion u għalhekk huwa ttieħed fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Kaylie Bonett, u l-Ispetturi Stephen Gulia, Keith Rizzo u Francesca Maria Calleja.
//= $special ?>