Internazzjonali

L-iktar maltempata qawwija tas-sena qed toqrob lejn Hong Kong u n-nofsinhar taċ-Ċina

Il-maltempata Ragasa, l-iktar maltempata qawwija tas-sena, qed toqrob lejn Hong Kong, wara li affettwat eluf ta’ persuni fil-Filippini.

Hong Kong qed tħejji ruħha għal kaos fit-trasport hekk kif l-ajruport tagħha, li hu wieħed mill-aktar impenjattivi fl-Asja, se jwaqqaf il-biċċa l-kbira tat-titjiriet. Il-belt għalqet ukoll l-iskejjel u xi negozji, filwaqt li r-residenti żvujtaw l-ixkafef tas-supermarkets, hekk kif qed jippreparaw biex joqogħdu ġewwa.

Dan qed jiġri jum biss wara li l-maltempata Ragasa ħarbtet il-Filippini, fejn mill-inqas persuna waħda nqatlet.

Miljuni ta’ persuni jistgħu jiġu affettwati mill-maltempata, li mistennija tolqot il-provinċja ta’ Guangdong fiċ-Ċina nhar l-Erbgħa. S’issa, madwar 370,000 persuna ġew evakwati minn Guangdong.

Din il-maltempata hija kkunsidrata bħala super typhoon, li matulha r-riħ jista’ jitla’ sa kważi 260km fis-siegħa. Bħalissa, Hong Kong ħarġet twissija ta’ livell 8.