Lokali Qorti

Mixli li saq dartejn bla liċenzja u kiser żewġ kundizzjonijiet tal-pleġġ

Żagħżugħ ta’ 21 sena residenti l-Marsa tressaq il-Qorti t-Tlieta akkużat li saq karozza mingħajr liċenzja u mingħajr assigurazzjoni valida f’żewġ okkażjonijiet separati. Lee Formosa ġie akkużat ukoll li kiser żewġ settijiet ta’ kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja, waħda imposta f’Ġunju 2023 u oħra f’Diċembru tas-sena l-oħra, kif ukoll li hu reċidiv.

L-Ispettur James Mallia spjega li Formosa kien waqaf għall-ewwel darba f’Awwissu fil-Furjana waqt li kien qed isuq mingħajr liċenzja, iżda dakinhar ma ġiex arrestat. Fit-22 ta’ Settembru, tal-LESA waqqfuh għax kien qed juża l-mobile waqt is-sewqan. Huwa ttieħed l-Għassa tal-Pulizija u wara tressaq il-Qorti. Il-Qorti ddikjarat l-arrest tiegħu validu.

Formosa wieġeb li mhux ħati għall-akkużi. Ma saritx talba għal ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju u għalhekk ġie miżmum taħt arrest.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi James Mallia, Cheyenne Mangion u Rachel Aquilina, filwaqt li l-avukati Franco Debono u Adreana Zammit dehru għal Formosa.

Il-Maġistrat Abigail Critien semgħet il-każ.