Opinjoni

OPINJONI: Is-soċjetà tal-futur

Giuseppe Culicchia
Id-deklin fil-qari hija problema għad-dinja li taħseb, id-deklin fil-kitba huwa saħta – The Economist

minn Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem

Mhux faċli l-argument ta’ minn fejn se taqbad it-tarf sabiex, fis-sitwazzjoni preżenti, tħares biex tibni soċjetà aqwa. Ħafna drabi, l-ovvju u dak l-iktar sempliċi jitwarrab għal dak iktar kumplikat. Dak li jidher faċli, fil-fatt ikun iqsar għall-bniedem, imma fil-verità ikun ferm itwal. Toroq qosra jtawlu u ma jwasslux fid-destinazzjoni.

F’dan huwa għalija iktar evidenti li qed naħarbu, jew ukoll f’ħafna nipposponu, mill-ovvju. Soċjetà, hi liema hi, u f’liema żmien tiġi għandha bżonn il-qari, u f’dan l-impenn sabiex ikollha: l-ewwel, bnedmin li jikkunsidraw ruħhom ċittadini u mhux sudditi; u t-tieni, li titmexxa minn bnedmin ta’ kultura u għerf. Il-qari huwa essenzjali mhux biss għall-bniedem, imma finalment, għad-demokrazija.

Inqas qari

Kull sena niddikjaraw li se jkun hemm politika ta’ qari, imma din ma titteħidx bil-qalb u l-impenn li hemm bżonn. Dan f’livell varji. Inqas xiri ta’ kotba għal-libreriji pubbliċi, inqas għajnuna għal dawk li jistampaw u inqas għajnuna għall-ħwienet li jbigħu l-kotba. Is-suġġett mhuwiex biss tagħna.

Fid-19 ta’ dan ix-xahar, f’artiklu li deher f’The Economist (online) ingħad hekk: “Is the decline of reading making politics dumber?” (In-nuqqas ta’ qari qiegħed iġib politika inqas għarfa?), u jkompli: “As people read less they think less clearly, scholars fear.” (Meta l-persuni jaqraw inqas jaħsbu inqas ċar, u dan hu li qed ibeżża’ lill-iskulari.) Artiklu li ġieb varjetà kbira ta’ kummenti imma li bih tqajjem dibattitu ċentrali għad-demokrazija. Għax dan huwa, fil-fatt, il-pern tal-isfida li għandna aħna lkoll.

Kaġun

Hemm min jaħseb li l-persuni jaqraw inqas għax il-qari huwa impenn u għalhekk naqas il-pjaċir u l-għarfien tal-bżonn tiegħu. Oħrajn jaħsbu li l-kotba huma għoljin biex tixtrihom, jew li għax ingħalqu diversi ħwienet tal-kotba, inkella f’dan sempliċement apatija intellettwali. Inkella dawk li ma jħarsux aktar lejn il-qari bħala parti mill-programm tal-avvanz soċjali tagħhom.

Iż-żelu li kien hemm u l-ambjent ġenerali ta’ soċjetà li m’għadhiex tħajjar lilha nfisha jew lil uliedha jemmnu li l-ktieb huwa ta’ valur. Forsi wkoll f’dan, il-fatt li għandna iktar politiċi li billi huma stess ma jaqrawx, ma jittrasmettux barra l-bżonn tal-ktieb.

Oħrajn iwaħħlu fl-ismartphones jew fl-audio books. It-tnejn f’livelli differenti: wieħed jaf ikun sempliċi distrazzjoni minn kaxxa fejn wieħed jistenna l-aħbarijiet, inkella ta’ bżonn li wieħed jisma’ ktieb jinqara kif kien isir fl-antik, meta ma kontx taqra f’qalbek imma fil-miftuħ.

Circolo dei letturi

Forsi wkoll li dak li kien inbeda f’pajjiżna sekli ilu ma tkompliex. Fi proċess li f’pajjiżi oħra, minflok, tkompla. Kien hemm il-postijiet fejn bnedmin jiltaqgħu biex jaqraw jew jiddiskutu dak li qraw jew li qed jaqraw. Janalizzaw u jgħarblu ideat varji.

F’dan, fost il-vjaġġi kulturali li kelli, sibt ruħi f’Turin f’dak li jissejjaħ iċ-Circolo dei Lettori. Esperjenza unika, riservata għal dawk li jridu jaqraw f’dan il-bini antik imma spazjuż. Esperjenza, għax f’kull sala tal-post, f’diversi ġranet jiġu promossi kotba varji minn ħafna bnedmin li jiddiskutuhom sew. Kull sena bqajt infittex l-iskeda tal-istaġun u dejjem bix-xewqa li mmur hemm, insegwi fit-tul.

Issa, kif qrajt reċentement, id-direttur il-ġdid, Giuseppe Culicchia (1965), Sqalli mrobbi fil-belt u awtur ta’ diversi kotba huwa wkoll u li daħal fil-kariga f’April ta’ din is-sena, iddikjara li ser ikollu laqgħat mhux biss filgħaxija imma filgħodu wkoll. Iddikjara, fi sfida sabiħa: “È la stagione del dialogo e saremo in dialogo con tutti.” (Huwa l-istaġun tad-djalogu, u se nkunu qed niddjalogaw ma’ kulħadd.)

Libreriji u ħwienet

Ftit ilu, The Japan Times ġieb artiklu dwar id-diffikultà li hemm fil-pajjiż sabiex ikun hemm koperazzjoni aqwa bejn il-libreriji nfushom u ħwienet tal-kotba. Studju li sar fl-aħħar tas-sena 2024 wera li hemm inqas kotba li jinqraw u inqas ħwienet miftuħa.

F’dan twitta l-proċess sabiex ikun hemm iktar investiment, sija mill-gvern lokali u dak nazzjonali sabiex it-tnejn jibqgħu miftuħa u jitkattru. Sistemi aqwa ta’ ħidma dinamika bejn kull min hu involut sabiex fl-għan li jinqraw il-kotba jiġu mislufa u mixtrija iktar. Politika li tagħraf li l-qari huwa bżonn f’soċjetà mimlija b’awturi intelliġenti u b’letteratura mill-isbaħ. Punt ta’ viżjoni li f’pajjiżna, kif nafu, preżentement ma jeżistix.

F’kuntest fejn f’pajjiżna diġà, kif nafu, qed jonqos ix-xiri tal-ktieb u nafu li l-ħwienet tal-kotba huma ftit ħafna. Nafu wkoll li biex jiġu stampati l-kotba hawn, l-ispejjeż huma iktar għoljin. Nittama li hemm żvilupp f’dak li smajna tul dawn il-ġimgħat minn meta, sija l-Midsea Books, kif ukoll il-Merlin Publishers ilmentaw pubblikament għax kienu se jintlaqtu mill-fatt li d-Dipartiment tal-Edukazzjoni kien se jqassam kotba skolastiċi b’xejn. Għandu jkun ta’ tħassib nazzjonali kif, flok għandhom il-konfort u l-koperazzjoni tal-Istat biex ikomplu għaddejjin, minflok qed isibu ruħhom iridu jissieltu għall-eżistenza tagħhom.

Forsi wkoll

Is-sitwazzjoni hi serja u dan dejjem jekk nagħtu valur lill-ktieb u lill-qari. Imma jista’ jkun ukoll li l-problema politika f’dak li qrajna hawn fuq fid-domanda: “Is the decline of reading making politics dumber?” hija iktar fir-responsabbiltà tagħna milli naħsbu. Mhux biss fin-nuqqas ta’ viżjoni lejn politika nazzjonali għal: l-ewwel, il-qari; it-tieni, għax-xiri tal-ktieb; it-tielet, għat-tkattir tal-ħwienet tal-kotba; u r-raba’, l-istampar, imma fina stess.

Fir-reazzjonijiet li l-artiklu li deher f’The Economist ġieb kien hemm dan partikolari u dirett fuqna, li jitlob riflessjoni: “Forcing oneself to write compels the writer to read more, which builds confidence in writing, thus begetting a virtuous cycle, one in which critical thinking takes root. The decline of reading is a problem for the thinking world, the decline of writing a scourge.” (Meta wieħed imexxi lilu nnifsu biex jikteb jaqra aktar, li jibni kunfidenza fil-kitba, biex b’hekk jitwieled proċess ta’ valur: wieħed li fih l-analiżi kritika tieħu s-saħħa. Id-deklin fil-qari hija problema għad-dinja li taħseb, id-deklin fil-kitba huwa saħta.)

Riflessjoni

Dan, l-ewwel, japplika għalija u l-proċess li qabbadt mertu tagħhom. Naqra biex nikteb u nikteb biex inkompli naqra. Ċertament naħseb li jekk ma neħdux dawn il-problemi, dawn l-isfidi bis-serjetà, l-effett fuq is-soċjetà u t-tessut demokratiku tagħna mhuwiex se jkun tajjeb. Forsi mhuwiex xi punt li se nsibu fil-Baġit li ġej. Mhuwiex dak li ser naraw xi ftaħir mill-Gvern preżenti dwaru.

Imma fir-realtà, jekk ma neħduhx kif aħna u naffrontawh inkunu qed niżbaljaw. Inħares dejjem b’tama lejn il-futur. Inħares iktar b’tama lejn is-soċjetà tal-futur li tinbena fuq pedamenti sodi: dawk fuq iż-żonqor tal-ħsieb tal-ktieb.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta  23 ta’ Settenbru, 2025.