Futbol Sport

Ousmane Dembele u Aitana Bonmati jirbħu l-aqwa unuri fis-serata tal-Ballon d’Or

Fiċ-ċermonja tal-Ballon d’Or li saret f’Pariġi fi Franza, kienu Ousmane Dembele u Aitana Bonmati li rebħu il-Ballon d’Or u l-unur tal-aqwa plejer tal-irġiel u tan-nisa rispettivament. Dembele rebaħ dan l-unur wara li għin lill-club tiegħu PSG jirbħu t-treble l-istaġun li għadda kif ukoll rebħu l-ewwel UEFA Champions League tagħhom.

L-attakkant ta’ Barcelona, Lamine Yamal, temm fit-tieni post u rebaħ l-unur tal-aqwa plejer żagħżugħ, fejn kien preżentat bil-Kopa Trophy. Viżibilment emozzjonat, Dembele kien preżentat bit-trofew mill-leġġenda Brażiljan Ronaldinho, fost ċapċip u għajjat ta’ ismu minn dawk preżenti fis-sala.

Il-midfielder ta’ Barcelona u Spanja Aitana Bonmati saret l-ewwel mara li rebħet il-Ballon d’Or għall-tliet staġuni konsekuttivi. Lionel Messi u Michel Platini huma l-uniku rġiel li rnexxielhom jilħqu dan it-tragward. Il-kowċ tat-tim nazzjonali Ingliż Sara Wiegman rebħet l-unur tal-aqwa kowċ tan-nisa filwaqt li Luis Enrique rebaħ l-unur tal-aqwa kowċ tal-irġiel.

Il-goalkeeper Ingliża Hannah Hampton rebħet l-unur tal-aqwa goalkeeper tan-nisa filwaqt li Gianluigi Donnarumma rebaħ l-unur tal-aqwa goalkeeper tal-irġiel u kien preżentat bil-Yashin Trophy minn Gianluigi Buffon.

Arsenal u PSG rebħu l-unuri tal-clubs tas-sena għan-nisa u l-irġiel rispettivament, filwaqt li Victor Gyokeres u Ewa Pajor rebħu il-Gerd Muller Trophy.