Internazzjonali

Premju Sakharov 2025: preżentazzjoni tal-kandidati

Il-gruppi politiċi u l-Membri tal-PE ppreżentaw in-nominazzjonijiet tagħhom għall-Premju Sakharov 2025 f’laqgħa konġunta nhar it-Tlieta. Il-vot fuq it-tliet finalisti se jsir f’Ottubru.

Il-kandidati għall-Premju Sakharov 2025 għal-Libertà tal-Ħsieb, l-ogħla premju Ewropew għall-impenn u l-ħidma fuq id-drittijiet tal-bniedem, huma (f’ordni alfabetika):

  • Mzia Amaglobeli u l-moviment ta’ protesta favur id-demokrazija fil-Ġeorġja, nominati mill-MEP Rasa Juknevičienė u 60 MEP ieħor;
  • Budapest Pride, nominata mill-grupp tal-Ħodor/Alleanza Ħielsa Ewropea; Marc Angel, Kim Van Sparrentak u 43 membru ieħor;
  • Ġurnalisti u ħaddiema umanitarji f’żoni ta’ kunflitt, rappreżentati mill-Assoċjazzjoni tal-Istampa Palestinjana, il- Palestinian Red Crescent Society (PRCS) u l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Għajnuna u x-Xogħol (UNRWA), nominati mill-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi;
  • Ġurnalisti fil-Palestina (Hamza u Wael Al-Dahdouh, Plestia Alaqad, Shireen Abu Akleh, Ain Media (f’ġieħ Yasser Murtaja u Roshdi Sarraj), nominati mill-grupp tax-Xellug (GUE/NGL);
  • Charlie Kirk, nominat mill-grupp Ewropa tan-Nazzjonijiet Sovrani;
  • Andrzej Poczobut, nominat mill-Partit Popolari Ewropew u l-Konservattivi u r-Riformisti Ewropej;
  • Boualem Sansal, nominat mill-grupp Patrijotti għall-Ewropa;
  • Studenti Serbi, nominati mill-grupp Renew Europe.

Il-kandidati ġew ippreżentati f’laqgħa konġunta tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, is-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kumitat għall-Iżvilupp.

Kull sena f’Settembru, il-Membri tal-PE u l-gruppi politiċi jinnominaw kandidati għall-Premju Sakharov. Kull kandidat irid ikollu l-appoġġ ta’ mill-inqas 40 MEP, u kull MEP jista’ jappoġġja kandidat wieħed biss.

L-applikazzjonijiet imbagħad jiġu vvalutati f’laqgħa konġunta tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il- Sottokumitat dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kumitat dwar l-Iżvilupp.

Wara dan issir lista finali ta’ tliet kandidati wara vot fil-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Iżvilupp f’Ottubru. Din il-lista mbagħad tiġi sottomessa lill-Konferenza tal-Presidenti (magħmula mill-President tal-Parlament, Roberta Metsola, u l-mexxejja tal-gruppi politiċi) għal vot finali.

Ir-rebbieħ jitħabbar f’Ottubru u ċ-ċerimonja tal-premjazzjoni ssir waqt is-sessjoni plenarja ta’ Diċembru tal-Parlament fi Strasburgu.