Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, waqt wieħed mill-aktar diskorsi kontroversjali fl-istorja tan-Nazzjonijiet Uniti, irrifjuta li jirrikonoxxi uffiċjalment lill-Istat tal-Palestina….U l-Mexxejja preżenti għall-Assemblea Ġenerali (tan-NU) fi New York semgħu lil Trimp jisħaq li r-rikonoxximent ta’ Stat tal-Palestina għandu jitqies bħala ‘rigal għall-atroċitajiet terribbli li wettqu t-terroristi Palestinjani tal-Ħamas’.
Trump, filwaqt li ddedika ħin sostanzjali għall-kriżi ta’ Gaza, insista biex il-grupp Ħamas jeħles l-ostaġġi Iżraeljani kollha li ilu jżomm mis-7 ta’ Ottubru tal-2023…Il-jum meta t-terroristi wettqu l-attakki storiċi f’Iżrael li ħallew il-mijiet tal-mejtin u midruba.
Il-President Amerikan tenna li kien involut fl-impenji għal waqfien mill-ġlied f’Gaza u li dan it-tragward jeħtieġ li jintlaħaq mill-entitajiet u pajjiżi involuti fin-negozjati.
Intant, spikkat bil-kbir l-oppożizzjoni tal-President Amerikan għar-rikonoxximent għal Stat Palestinjan…U waqt li Trump innota li diversi pajjiżi influwenti – fosthom ir-Renju Unit, Franza, il-Kanada u l-Portugall – esprimew l-għarfien uffiċjali għall-Istat tal-Palestina, hu għamilha ċara li mhux se ‘iċedi għad-domandi tal-Ħamas’ li, fi kliemu, ‘għandhom jitqiesu daqslikieku talba għal rahan.’
Għaldaqstant, Trump tenna li dawk il-pajjiżi li jridu l-paċi f’Gaza jridu jingħaqdu f’kor wieħed biex il-Ħamas jeħles lill-ostaġġi ‘illum qabel għada’.
Donald Trump, fl-istess ħin, ma żammx lura milli jattakka l-kunċett tal-fruntieri miftuħa li fissru bħala ‘esperiment fallut’. Dan waqt li hu akkuża lin-NU b’li ‘iffaċilitat l-invażjoni tal-immigranti illegali fil-pajjiżi tal-Punent’.
U hawnhekk, Trump ipponta subajh lejn l-Ewropa, bil-kumment li l-kontinent jinsab ‘f’inkwiet serju’ b’konnessjoni mal-immigrazzjoni ‘inkontrollabbli’. Punt ieħor kritiku dirett għall-Ewropa kien relatat ‘għan-nuqqas ta’ determinazzjoni mill-Istati biex iwaqqfu l-importazzjoni tal-prodotti tal-enerġija mir-Russja’
Il-President Trump anki indirizza l-bidliet fil-klima bħala ‘l-akbar daħka fil-wiċċ fl-istorja’ — filwaqt li rrefera għat-tbassir tan-Nazzjojnijiet Uniti dwar il-konsegwenzi tal-global warming bħala ‘ħżiena u żbaljati’.
U t-tema tal-gwerra kompliet tispikka fid-diskors ta’ Trump, bil-President Amerikan jirrepeti li ‘kellu l-kapaċità biex itemm seba’ gwerer’ kemm ilu li reġa ħa t-tmun tal-White House …Silta tad-diskors li wkoll kienet enfasizzata bi kritika għan-NU li, fi kliem Trump, ‘ma għenitux biex isib soluzzjoni għal dawn il-konflitti’.
//= $special ?>