Madwar 17,000 student u iktar minn 3,000 edukatur bdew is-sena skolastika f’waħda mill-iskejjel tal-Knisja fil-livelli tal-kindergarten, il-primarja, is-sekondarja u s-sitt sena post-sekondarja.
Hekk kif kull sena jingħaqdu edukaturi ġodda mas-settur, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika annwalment jorganizza laqgħat ta’ tħejjija għalihom. Din is-sena madwar 130 edukatur ġdid ġew milqugħa mid-Delegat għall-Edukazzjoni Kattolika, Dun Mark Ellul u mid-Direttur Ġenerali għall-istess Segretarjat, Dr Ian Mifsud.
Wara quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla, il-kelliema, fosthom l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, saħqu fuq l-importanza tal-edukazzjoni ħolistika mħaddna fl-iskejjel tal-Knisja: edukazzjoni li ma tilħaqx biss il-moħħ imma wkoll ir-ruħ.
Il-kelliema saħqu li f’dinja fejn l-informazzjoni hija dejjem aktar aċċessibbli għal kulħadd u l-intelliġenza artifiċjali qed tiżviluppa b’rata mgħaġġla, l-edukazzjoni Kattolika għandha tħares dejjem iktar lejn il-formazzjoni tal-persuna sħiħa u tlaqqa’ lil kull persuna ma’ Ġesù. Fit-tiswir tal-ħiliet u l-għarfien, tajjeb li jiġu sostnuti iżjed il-ħsieb kritiku, il-kreattività u l-innovazzjoni. L-edukaturi kollha huma fdati b’sehem kbir fit-tisħiħ tal-poplu t’Alla, bil-preżenza u x-xogħol tagħhom fl-iskola, hekk kif huma xhieda tal-valuri tal-Evanġelju u l-etos Nisrani.
Mal-preparamenti amministrattivi neċessarji biex ikunu jistgħu jinfetħu l-iskejjel u jingħata s-servizz edukattiv, f’diversi skejjel kien qed isir xogħol ta’ titjib lill-ambjent skolastiku.
Matul is-sajf, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika wkoll ġarr għaċ-ċentru l-ġdid tiegħu f’Ħal Balzan, parti mill-kumpless tas-Sorijiet tal-Bon Pastur.
Filwaqt li qed jiġu finalizzati l-aħħar xogħlijiet, dan ser ikun qed jiġi inawgurat uffiċjalment matul din is-sena skolastika.
//= $special ?>