Ingliż ta’ 40 sena li qed jaħdem b’mod temporanju f’Malta bħala cameraman u li qed jgħix f’lukanda inżamm taħt arrest minkejja li wieġeb mhux ħati li wettaq kommossjoni quddiem stabbiliment u meta kellmuh biex jikkalma dan irvilla, fejn attakka kuntistabbli u hedded ukoll żewġ membri oħra tal-Korp tal-Pulizija u finalment ġie arrestat.
Il-prosekuzzjoni qalet li l-‘body cams’ tal-Pulizija wkoll juru li Luke Oliver Snowball minn Londra baqa’ vjolenti u qabad wieħed mill-uffiċjali tal-Pulizija u mbottah. Wara huwa ddispjaċih għal dak li ġara u spjega li għaddej minn xi problemi personali.
Huwa ġie mixli li wettaq diversi reati nhar it-Tlieta, 23 ta’ Settembru – bejn is-2.30 a.m. u t-3 a.m. fi Triq San Ġorġ Paceville, u li dawn jinkludu li attakka lill-kuntistabbli tal-Pulizija Sven Pavia, hedded lill-istess uffiċjal biex ma jħallihx jaqdi dmiru, kkaġunalu ferita ħafifa u naqas li jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija, li uża l-forza kontra l-istess uffiċjal u tnejn oħra u li insulentahom.
Huwa ġie mixli li hedded lill-Kuntistabbli Pavia u lill-Kuntistabbli Jurgen Zerafa u Russell Attard, li kiser il-paċi pubblika u li ma kienx f’qagħda li jieħu ħsieb tiegħu nnifsu għax kien fis-sakra. Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest li kienet opponuta bil-qawwa kollha mill-prosekuzzjoni.
Għal fini ta’ pleġġ xehdet Colette Kelly Burke li hija wkoll ta’ nazzjonalità Ingliża. Hija qalet li hija kordinatur fi produzzjoni ta’ film li qed jinġibed f’Malta u li huwa mportanti li l-akkużat jlesti dan il-proġett. Burke qalet li l-akkużat huwa cameraman speċjaliżżat u x-xogħol tagħhom huwa li jinġibdu filmati għal “underwater movie”. Tenniet li huwa jaħdem 10 siegħat kuljum u għandu siegħa break.
Wara li nstemgħet ix-xhud – il-prosekuzzjoni baqgħet topponi għall-ħelsien mill-arrest fejn qalet li l-akkużat ma jistax jiġi kkontrollat minħabba n-natura tax-xogħol tiegħu. Id-difiża qalet li jekk ma jingħatax il-pleġġ il-produzzjoni tkun fil-periklu li tieqaf.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li m’għandux indirizz fiss f’Malta u li l-akkużat ma jagħtix il-garanziji li joqgħod għall-kundizzjonijiet mogħtija mill-Qorti. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi James Turner u Dylan Pace. Għall-imputat dehret l-avukat tal-għajnuna legali Maria Karlsson.
//= $special ?>