“Ninsab vera kuntent li llum irnexxili ngħin lit-tim bil-gowl tiegħi fl-aħħar. Kienet logħba diffiċli ħafna, u konna nafu minn qabel li kienet se tkun hekk.” Dawn kienu l-ewwel kummenti ta’ Evandro Gomes, id-difensur Portugiż ta’ Valletta, li nhar il-Ħadd li għadda tefa’ lill-partitarji Beltin f’dillirju ta’ ferħ meta skorja l-gowl tad-draw kontra Sliema Wanderers fil-95 minuta.
B’dan ir-riżultat, Valletta għadhom ma tilfux partita waħda, u minkejja li kienu jafu sa minn qabel li l-bidu tal-Malta Premier kien se jkun diffiċli għalihom sforz il-fatt li l-avversarji li kellhom jilagħbu kontra tagħhom kienu kollha meqjusa timijiet sfidanti għall-ogħla postijiet fil-klassifika, s’issa Valletta jistgħu jitqiesu fost l-aqwa timijiet li rajna fil-Malta Premier.
Gomes daħal jilgħab fil-partita bħala sostitut fit-73 minuta, meta l-iskor kien diġà 1-0 favur Sliema Wanderers. L-eks plejer ta’ Balzan u Santa Lucia rispettivament, qal “Li ma nċedu qatt bħala tim ta’ Valletta, hija parti mid-DNA tagħna. Qatt ma nieqfu, nagħtu kollox fil-pitch u nilagħbu bħala tim wieħed u hekk għamilna llum. Dħalt nilgħab fit-tieni taqsima, u skorjajt il-gowl li permezz tiegħu salvajna punt.”
Sal-lum, il-Portugiz ta’ 29 sena, lagħab biss ftit minuti ma’ Valletta u dik ta’ nhar il-Ħadd li għadda, kontra Sliema Wanderers, kienet it-tieni dehra ta’ Gomes bil-flokk ta’ Valletta fil-Malta Premier. Gomes iddebutta mal-Beltin fir-rebħa kontra Marsaxlokk meta daħal jilgħab fid-90 minuta u lbieraħ lagħab ftit aktar minn kwarta, li iżda kienu biżżejjed biex iħalli l-impatt mixtieq. F’azzjoni fejn id-difiża ta’ Sliema Wanderers setgħet għamlet aħjar, il-persistenza kollettiva ta’ Valletta kienet ippremjata b’gowl mill-viċin ta’ Gomes li żamm lit-tim immexxi mill-kowċ Thane Micallef milli jġarrab l-ewwel telfa fil-Malta Premier.
Gomes saħaq li dan hu l-ispirtu li Valletta jridu jilagħbu biħ f’kull partita u fi kwalunkwé ċirkostanza, billi qatt ma jċedu, “nilagħbu għal xulxin u nibqgħu nemmnu.”
//= $special ?>