Futbol Sport

Franklin Sasere jispira lil Birkirkara għall-ewwel rebħa tal-kampjonat

Franklin Sasere
Franklin Sasere

Il-protagonista ta’ Birkirkara, u l-iskorer taż-żewġ gowls Ii permezz tagħhom l-Istripes kisbu l-ewwel rebħa tal-kampjonat kontra Mosta f’match day 5, Franklin Sasere, attribwixxa dan ir-riżultat pożittiv għall-motivazzjoni u  l-ħeġġa li hu u sħabu wrew fit-tim biex idawru l-paġna.

Sasere qal li din il-motivazzjoni kienet influwenzata mill-kuraġġ u l-appoġġ li taw u qed jagħtu lill-iskwadra l-President, Michael Valenzia u l-kowċ il-ġdid, Gianluca Festa.

“Lagħbna bħala tim u mhux individwalment. Konna nafu x’irridu nagħmlu, ġbidna l-istess ħabel u llum ksibna l-ewwel tliet punti tal-kampjonat,” tenna l-attakkant Niġerjan ta’ 27 sena.

Iż-żewġ gowls li skorja Sasere f’din il-logħba, mhux biss waslu għal tliet punti li Birkirkara tant kienu ħerqana għalihom, iżda kienu l-ewwel gowls li l-eks plejer ta’ Ħamrun Spartans u Floriana, skorja minn kemm ilu li ssieħeb ma’ Birkirkara. Sasere skorja gowl f’kull taqsima, bl-ewwel wieħed wasal fil-11-il minuta tal-logħba u t-tieni wieħed, u dak li aċċerta mir-rebħa ta’ Birkirkara kontra Mosta, kien skorjat minn penalty fit-82 minuta.

Sasere, li kien il-magħżul mill-ġurnalisti bħala l-plejer tal-logħba, awgura li din ir-rebħa, tkun il-bidu għal aktar rebħ ta’ partiti u punti minn Birkirkara “għaliex li nżommu din il-forma hu importanti kemm għalina, iżda wkoll għall-partitarji tagħna li baqgħu warajna u dejjem jagħtu l-appoġġ lil Birkirkara.”