“Jista’ jkollok ħafna ħolm imma tista’ ssir jew ħa tfaqrek?”
Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana jinsab xettiku immens dwar il-proġett tal-metro, ftit tal-jiem biss wara li l-Prim Ministru Robert Abela reġa’ qal li l-istudji fuq il-metro għadhom għaddejjin. Għalkemm Clyde Caruana mhux konvint li pajjiżna għandu bżonnha, u wisq inqas jekk jaffordjahiex.
Fl-istess ġimgħa li ma’ Net News wera x-xettiċiżmu tiegħu, waqt intervista ma’ Karl Bonaci, il-Ministru tal-Finanzi qabbel id-diskussjoni tal-metro ma’ silly season li jiġi kull 5 snin – ċioè qabel kull elezzjoni ġenerali – bħaż-żewġ staġuni tal-kaċċa.
Clyde Caruana saħaq li proġett bħal dan jitlob in-nefqa ta’ biljuni ta’ ewro u biex ikun vijabbli…in-nies iridu ċertament iħallu l-karozza d-dar.
Hu staqsa min qed jimbotta d-diskros tal-metro kif se jikkonvinċi lill-poplu jneħħi l-karozza….u aktar minn hekk kif se jġiegħlhom jimxu…għax ċertament li t-trasport tal-massa mhux se jidħol fl-irħula.
Mistoqsi dwar ix-xettiċiżmu tiegħu ladarba dan il-proġett kien fil-manifest elettorali laburista tal-2022…u aktar minn hekk il-Gvern nefaq mal-€400,000 lejlet elezzjoni ġenerali biex jippreżenta s-suppost proġett lill-poplu – il-Ministru wera li ma jaqbilx ma tali proġett u wisq aktar in-nefqa.
Huwa insista li mhux biss responsabbli għall-preżent, iżda lil min jiġi warajh ma jridx itih piż li ma jkunx jista’ jġorr.
Dan filwaqt li insista li argumenti li ma jagħmlux sens għalih mhux se jaqbel magħhom iżda saħaq li qabel jieħu deċiżjoni jrid jara n-numri għaliex hu m’għandux interess li jkun popolari.
Finalment il-Ministru ħeġġeġ lil poplu sabiex jevalwa sew dak li jingħad – għaliex fil-verità l-pajjiż jiddependi mit-taxxi u n-nefqa trid tkun għaqlija.
Il-Ministru saħaq li l-argument kollu hu jekk hux vallapena ssir deċiżjoni bħal din li tiswa’ l-biljuni ta’ ewro u li titlesta minn hawn u 25 sena oħra.
//= $special ?>