Hemm bżonn li l-Gvern jara kif l-2026 tkun sena li fiha jinvesti b’mod deċiżiv f’mobbilità li tiffoka fuq il-bniedem. U hemm bżonn bidla fil-kultura.
Sosniet dan l-NGO Rota hekk kif ippubblikat il-proposti tal-Budget għas-sena 2026, fejn spjegat li din hija opportunità biex ma nieħdux deċiżjonijiet fuq miżuri frivoli imma bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet tanġibbli, iebsin u li huma bbażati fuq studju u riċerka.
Huma saħqu li hemm l-urġenza li jiġu allokati aktar fondi bil-għan li jitnaqsu il-fatalitajiet fit-toroq Maltin u Għawdxin. B’hekk jiġu frankati aħbarijiet traġiċi, jiġu salvati l-ħajjiet, u jkunu frankati miljuni ta’ ewro mill-ispejjeż relatati mas-settur tas-saħħa.
Rota spjegat li pajjiżna jinsab f’salib it-toroq – u jeħtieġ qabza kulturali anke fuq il-mezzi ta’ mobilità. Għaldaqstant sabiex wieħed jibda jagħmel użu mir-rota mhux biss irid jieħu l-inizjattiva hu iżda l-Gvern irid jipprovdi l-miżuri u l-infrastruttura neċessarja.
Ġie propost li jiġu allokati aktar fondi għall-infrastruttura fit-toroq flimkien ukoll mal-maintenance tagħhom – miżuri li jiżguraw s-sigurtà taċ-ċiklisti fit-toroq tal-pajjiż.
Dan filwaqt li kien propost li l-Gvern jintroduċi skemi ta’ grants jew inċentivi relatati mat-taxxa għal dawk l-akkomodazzjonijiet turistiċi li jipprovdu parkeġġi siguri għal min jagħmel użu mir-rota…jew saħansitra joffru repair stations.
Rota ħeġġet lill-Gvern sabiex jalloka fondi bil-għan li jinċentiva lin-negozji biex jixtru r-roti u fejn huwa possibbli jkollhom lil ħaddiema jwettqu d-deliveries tagħhom bir-rota…f’zoni li huma fil-qrib.
L-NGO ħeġġet għal aktar edukazzjoni u kampanji nazzjonali sabiex il-ġenerazzjoni li jmiss issir aktar konxja tal-fatt li persuna tista’ tivvjaġġa b’modi alternattivi, aktar siguri u sani.
//= $special ?>