Novità oħra mill-Kumpanija Teatru Rjal għal din is-sena se tkun l-introduzzjoni ta’ lejla ta’ spettaklu teatrali kbir bis-sehem ta’ wħud fost l-aqwa talent mużikali fil-Gżejjer Maltin bħalissa.
Fl-isfond tal-esperjenzi ta’ produzzjonijiet mużikali passati f’teatri oħra matul it-33 sena tal-eżistenza tagħha, il-Kumpanija Teatru Rjal iddeċidiet li f’dan l-aspett tagħmel ukoll qabża fil-kwalità u torganizza lejla spettakolari fit-teatru prestiġjuż ta’ Dar il-Mediterran, il-Belt.
Il-ħsieb tal-organizzaturi wara l-isem ‘Jiddu l-Kwiekeb’ huwa li din is-serata tkun dedikata għal dawk il-persuni li minn wara l-kwinti jaħdmu matul is-sena kollha biex jagħmlu l-ħajja ta’ persuni fil-bżonn ftit aktar faċli. Fost il-ħafna għaqdiet u organizzazzjonijiet li hawn f’pajjiżna, ċertament hemm dawk li jaħdmu biex jinġabru fondi b’risq il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund, li l-ġid li tagħmel ma’ persuni u tfal morda matul is-sena kollha ma jistax jiġi kalkulat jew apprezzat biżżejjed. ‘Jiddu l-Kwiekeb’ irid jagħti r-rikonoxximent tiegħu lil dawn il-persuni li verament huma kewkba li tiddi u titfa’ raġġ ta’ tama għal min hu fil-bżonn.
Parti mid-dħul għal din il-produzzjoni, li se ssir il-Ħadd 21 ta’ Diċembru li ġej fis-6.30pm f’Dar il-Mediterran, il-Belt, se jmur b’risq il-Malta Community Chest Fund. Fil-fatt l-attività se ssir taħt il-patroċinju distint tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono.
Kif wieħed jista’ jistenna f’dan iż-żmien tas-sena, ma jonqsux interpretazzjonijiet immortali bħal ‘Oh Holy Night’, ‘When a Child is Born’ u ‘Ħelu Bambin’. Se jkunu inklużi wkoll siltiet mużikali oħra Maltin u internazzjonali interpretati minn kantanti professjonali li żgur se jallegraw lill-udjenza preżenti u jġegħluhom ikantaw magħhom.
Ismijiet bħal Neville Refalo, Pamela, Petra, Ludwig Galea, Glen Vella, Ozzy Lino, J Anvil, Mark Tonna, Amber, Mariah u Sarah Muscat Micallef, flimkien mal-kor popolari VOCA taħt id-direzzjoni ta’ Nathalie Camilleri u Lara Bonnici kif ukoll il-kor sabiħ tat-tfal bl-isem ‘Future Voices’ immexxi minn Iona Dalli u Maria Bellia u orkestra ta’ għaxar elementi taħt id-direzzjoni tas-Surmast Conrad Briffa, huma biżżejjed biex jiggarantixxu serata mill-isbaħ u ta’ livell bla preċedent fil-produzzjonijiet imtellgħa mill-Kumpanija Teatru Rjal.
Minn ħin għal ħin, fost sorpriżi oħra, jitfaċċa fuq il-palk ukoll l-attur komiku Rodney Gauci.
Hi karatteristika wkoll tal-Kumpanija Teatru Rjal, li serata bħal din, minbarra l-livell tal-mużika u l-kant, tkun animata u kompluta bi spettaklu ta’ dwal u projections li jagħmlu l-esperjenza ta’ dawk preżenti waħda li ma tintesiex malajr. Min hu midħla tal-produzzjonijiet ta’ din il-kumpanija, jaf x’jista’ jistenna.
‘Jiddu l-Kwiekeb’ se jsir fuq serata waħda biss u għalhekk l-organizzaturi qegħdin jappellaw biex wieħed jaħseb kmieni għall-biljetti tiegħu. Il-booking diġà jinsab miftuħ minn fuq ktrmalta.com jew permezz tan-numru tat-telefon 99476468.
Dan l-ispettaklu hu divertiment waqt li fl-istess ħin ikunu qed jiġu megħjuna l-Malta Community Chest Fund fil-ħidma imprezzabbli tagħha.
//= $special ?>