Lokali

L-eks CEO tal-Lands daħħal eluf ta’ ewro fi ħlasijiet

L-eks Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet James Piscopo rċieva numru ta’ pagamenti mingħand il-Kap Eżekuttiv tal-Fortina lura fl-2019 – l-istess sena li fiha l-Lands tat il-barka tagħha għad-deal, li fisser serqa ta’ miljuni mill-valutazzjoni vera tas-sit f’Tas-Sliema.

Dan żvelah il-ġurnal Times of Malta fejn ġie spjegat li Piscopo daħħal aktar minn €50,000 matul dik is-sena mingħand żewġ kumpaniji li sid tagħhom huwa Edward Zammit Tabono, CEO ta’ Fortina Investments – b’James Piscopo jdaħħal €153,000 oħrajn mingħand kumpanija oħra li għandha x’taqsam ma’ Zammit Tabono bejn April 2021 u Marzu 2022.

Filwaqt li Zammit Tabono u Piscopo ma ċaħdux li saru dawn il-pagamenti, huma qed jgħidu li dan il-ħlas kien wieħed “leġittimu u privat” mingħajr ebda konnessjoni mal-ftehim tal-Fortina.

It-Times spjegat li rapport li ngħata lill-Pulizija tliet snin ilu jidħol f’dettal f’dawn il-ħlasijiet ta’ natura suspettuża u li allegatament iqajmu aktar suspetti b’rabta ma’ aġir ta’ tixħim u koruzzjoni.

Ir-rapport wera kif kontijiet bankarji ta’ Piscopo irċevew flejjes kbar mingħand kumpaniji li għandhom rabta ma’ Zammit Tabona. U filwaqt li l-Pulizija ma weġbux domandi b’rabta mal-investigazzjoni ta’ dan ir-rapport – tajjeb li jiġi nnotat li fir-rapport tal-Awditur Ġenerali b’rabta mad-deal tal-Fortina…isem James Piscopo feġġ ukoll. Dan hekk kif rappreżentant tal-kumpanija ammetta li avviċinah għal assistenza u li kien hemm ħbiberija bejniethom li tmur lil’hinn minn dan il-ftehim.

Tant hu hekk illi Piscopo kien iddikjara kunflitt ta’ interess lura f’Settembru 2018…wara li numru ta’ ġurnalisti kienu staqsew dwar dan.

Madanakollu minkejja li tbiegħed mill-kumpanija u qal li ddikjara kunflitt ta’ interess ….sa April 2019…James Piscopo kien għadu jirċievi permezz ta’ email il-minuti tad-diskussjonijiet li kien ikollu l-bord…inkluż dwar il-Fortina…preċiżament dwar il-valutazzjoni.

Sentejn wara li ntlaħaq dan id-deal….Piscopo beda jirċievi ħlasijiet ta’ €11,800 fix-xahar minn kumpanija li fost is-sidien tagħha hemm Zammit Tabona. Bil-ħlasijiet ilaħqu l-€153,000 għal xi pariri professjonali.

Intant, fix-xhieda tiegħu mal-NAO, l-eks Chief of Staff fl-OPM Keith Schembri ikkonferma li kien ikollu laqgħat fil-ġimgħa ma numru ta’ uffiċjali għolja…inkluż James Piscopo. Madanakollu aktar tard ikkoreġa ruħu u qal li qatt ma kellem lil Piscopo dwar dan id-deal.

Ħafna stqarrijiet u fatti li f’dan il-każ kontinwament jikkontradixxu lil xulxin…abitudni sintomatika li ħafna minn dawk li kienu fil-borma qed isofru minnha.