Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima, illiberat lil Rokku Formosa bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien sena fuq inċident tat-traffiku li seħħ iktar minn tliet snin ilu f’Ħal Luqa, b’raġel jispiċċa jweġġa’.
Formosa ta’ 76 sena kien ġie akkużat li fit-22 ta’ Frar 2022, għall-ħabta tad-9:20am, fi Triq ir-Rixtellu, Ħal Luqa, waqt li kien qed isuq trakk, ikkawża b’nuqqas ta’ ħsieb u traskuraġni offiża gravi fuq il-persuna ta’ Clayton Cauchi, kif ukoll li saq b’manjiera traskurata u b’manjiera traskurata kif ukoll ta’ sewqan perikoluż.
Il-Qorti tal-Maġistrati, fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Novembru 2024, sabet lil Formosa ħati tal-ewwel żewġ imputazzjonijiet u mhux ħati tat-tielet akkuża fuq sewqan perikoluż, u kkundannatu għal multa ta’ €4,658, sitt punti fuq il-liċenzji tas-sewqan tiegħu u skwalifika għal perjodu ta’ 30 jum.
L-inċident bit-trakk wassal biex bir-rota ta’ wara l-akkużat għaffeġ sieq Clayton Cachia li kien qiegħed fit-triq wieqaf biswit it-tieqa ta’ vettura li kienet ukoll wieqfa mal-ġenb tat-triq lesta biex tiġi irmunkata mit-
‘tow truck’ tiegħu.
Meta waslu l-Pulizija flimkien ma’ tim mediku, ittieħdet l-ewwel verżjoni tal-fatti mill-vittma Clayton
Cauchi li stqarr:-“Kont qiegħed mal-klijent għadda bit-trakk dar-raġel (Rokku Formosa), waqaf totalment biex jara li qiegħed safe biex jgħaddi u ma nafx x’ġara u qabadli ftit saqajja l-leminija bit-tyre ta’ wara waqt li kien miexi ‘l quddiem”.
Ittieħdet ukoll il-verżjoni ta’ Sergio Cutajar, li kien qed jitkellem mal-vittma meta seħħ l-inċident, fejn stqarr li:“Jien kont qiegħed fis-sit tax-xuffier tal-vettura u kellu l-bieba mbexxqa u kien qiegħed ikellimni. Sadanittant kien ġej it-trakk u hu kien dahru lejh u naħseb li ħa pass lura u qabadlu saqajh it-trakk”.
Ġie mitkellem ukoll il-passiġġier li kien riekeb fuq in-naħa ta’ quddiem tat-trakk tal-akkużat, James Formosa, li stqarr li: “Kien hawn dawn weqfin, dan li weġġa’ (Clayton Cauchi) kien qiegħed f’nofs tat-triq jitkellem ma’ tal-vann (Sergio Cutajar) u aħna ersaqna f’nofs it-triq biex tgħaddi vettura oħra, imbagħad ilqattnieh”.
Huwa kkonferma quddiem l-Ewwel Qorti li ma kienx ra l-inċident iseħħ u li t-trakk tal-vittma ma kellu l-ebda sinjali li juru li kien ‘tow truck’ fil-ħin tal-inċident. Formosa ressaq appell kontra s-sentenza tal-Ewwel Qorti, fejn insista li l-ewwel qorti żbaljat fl-apprezzament tal-provi billi l-inċident seħħ bħala emerġenza li ma setax jipprevjeni, u li l-piena inflitta kienet eċċessiva.
Il-Qorti tal-Appell analizzat mill-ġdid ix-xhieda tal-vittma, ta’ Sergio Cutajar li kien mal-vittma, ta’ James Formosa li kien passiġġier fit-trakk u tal-akkużat innifsu, kif ukoll iċ-ċertifikat mediku. Mill-eżami tal-provi rriżulta li l-vittma kien qiegħed bilwieqfa ħdejn vettura li kienet se tiġi irmunkata, viżibbli kemm għall-appellant kif ukoll għall-passiġġier tiegħu.
Il-Qorti rrimarkat li l-fatt li t-trakk għadda viċin ħafna mal-vetturi wieqfa u mal-vittma juri nuqqas ta’ “proper lookout” min-naħa tal-appellant.
Il-verżjoni tal-emerġenza stantanja ma ġietx aċċettata, iżda l-Qorti osservat ukoll li kien hemm negliġenza kontributorja min-naħa tal-vittma li għażel li jpoġġi ruħu f’nofs triq bejn vettura wieqfa u t-traffiku li kien għaddej. Din in-negliġenza ma teħlisx lill-appellant mill-ħtija iżda kellha titqies fil-kejl tal-piena.
Rigward il-kwalifikazzjoni tal-ġrieħi, il-Qorti innotat li għalkemm il-vittma għadda xahrejn barra mix-xogħol, huwa fieq kompletament u għalhekk l-offiża kellha tiġi kklassifikata ta’ gravità inqas. Il-Qorti għalhekk ikkonfermat il-ħtija fuq l-ewwel żewġ akkużi iżda varjat il-bażi legali tal-ewwel akkuża u eriformat il-piena.
Formosa nstab ħati li kkaġuna offiża gravi mhux permanenti u li saq b’manjiera traskurata, iżda ngħata libertà kundizzjonata għal sena. Barra minn hekk, ġie skwalifikat milli jkollu jew jikseb liċenzja tas-sewqan għal tmint ijiem li jibdew minn ġurnata wara tal-għoti tas-sentenza u ngħata tliet punti penali fuq il-liċenzja.
Il-Qorti wissiet lill-appellant dwar il-konsegwenzi li jġib miegħu kull reat ieħor matul il-perjodu ta’ prova, u b’hekk l-appell ġie miċħud parzjalment, bil-piena tkun riveduta f’dawl tal-kontribut tal-vittma u tal-fatt li l-ġrieħi tiegħu ma kinux permanenti.
//= $special ?>