Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo, semgħet il-każ tar-Rumena Elena Susnea, li tilfet il-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest wara li nstabet ħatja li kisret il-kundizzjonijiet impost fuqha. Il-provi wrew li ftit jiem qabel, fl-1 ta’ Lulju filgħodu, l-eks sieħeb tagħha daħal f’darha fis-sigħat bikrin, fejn wara li raqad, qam fis-sakra u beda argument magħha.
Huwa saħansitra tefa’ xi affarijiet tagħha minn barra, fosthom televiżjoni, u meta Susnea ppruvat taħrab, qabadha u beda’ jsawwatha fejn ġarrbet ġrieħi u dan kollu ġara f’nofs it-triq. Hija ġiet iċċertifikata mit-tabib u dehret bi ġrieħi viżibbli, inkluż feriti f’għajnejha.
Ġirien ċemplu lill-pulizija u l-vittma kienet rikoverata l-isptar. Susnea rrappurtat il-każ fl-Għassa tal-pulizija fil-Marsa u qalet li ma setgħetx tidher il-Qorti l-għada, fejn kellha dehra oħra relatata ma’ proċeduri pendenti. Skont ix-xhieda tagħha, il-pulizija kienu infurmaw lill-Ispettur Andy Farr permezz ta’ email, iżda jidher li din qatt ma waslitu u l-Qorti ħarġet mandat ta’ arrest.
Ftit jiem wara, fit-3 ta’ Lulju, hija marret tiġbor €10,000 mingħand ħabib tagħha fiż-Żurrieq tard billejl, biex setgħet tħallas taxi għall-isptar minħabba l-uġigħ li kienet għadha tbati minnu. F’dak il-ħin iżda ġiet arrestata mill-pulizija għax instabet barra mid-dar tagħha, b’hekk kisret il-kundizzjoni tal-koprifu.
Żewġ kuntistabbli mill-Ħamrun xehdu li kienu marru fuq il-post wara diversi sejħiet ta’ residenti li semgħu xi ħadd isabbat fuq bieb ta’ appartament. L-Ispettur Darryl Farr xehed li l-imputata naqset milli tiffirma l-għassa fuq tliet okkażjonijiet, inkluż il-Ħadd li seħħ l-inċident domestiku.
Għal waħda mid-dati kienet ippreżentat ċertifikat mediku, iżda l-prosekuzzjoni sostniet li dan ma kienx biżżejjed. Huwa argumenta li l-kundizzjonijiet tal-pleġġ kienu imposti ftit qabel u l-fatt li diġà ġew miksura juri nuqqas ta’ rispett lejn l-ordnijiet tal-Qorti.
Min-naħa tad-difiża, l-avukat Yanica Barbara Sant sostniet li l-klijenta tagħha kienet rikoverata l-isptar sa tard it-Tnejn, li kienet vittma ta’ vjolenza domestika u li l-eks sieħeb tagħha ħadilha l-mowbajl, u għalhekk ma setgħetx tinforma direttament lill-awtoritajiet jew tiffirma l-għassa. Hi saħqet li hekk kif kellha kuntatt mal-avukat tagħha, dan immedjatament informa lill-pulizija.
Il-Qorti, filwaqt li laqgħet li Susnea kienet ġarrbet esperjenzi ta’ vjolenza, qalet li l-kundizzjonijiet tal-bail għandhom jiġu osservati b’rigorożità. Fil-fehma tagħha, setgħet għamlet arrangamenti alternattivi, bħalma hi sejħa għal għajnuna jew għal ambulanza, u mhux toħroġ barra mid-dar fil-ħinijiet tal-curfew.
Il-Qorti għalhekk sabitha ħatja li kisret il-kundizzjonijiet u kkundannatha għal multa ta’ €1,500 u kkonfiskatilha wkoll €500 mid-depożitu tal-bail. Barra minn hekk, ordnat ir-re-arrest tagħha. Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Darryl Farr, filwaqt li l-avukat Yanica Barbara Sant dehret għall-imputata.
//= $special ?>