Opinjoni

OPINJONI: Il-futur tal-PN u l-governanza tajba

Il-Partit Nazzjonalista għandu quddiemu responsabbiltà storika li jerġa’ joffri viżjoni serja, kredibbli u ġusta għall-futur ta’ pajjiżna
Il-governanza tajba mhijiex ħolma romantika – hija ħtieġa reali. U l-Partit Nazzjonalista jista’ jkun strument ewlieni biex tinbena mill-ġdid din il-mentalità.

minn George Muscat

Fil-mument li qed ngħixu fih, fejn il-poplu Malti qed jiffaċċja sfidi ekonomiċi, soċjali u istituzzjonali, il-ħtieġa għal governanza tajba qatt ma kienet daqshekk kruċjali. U propju f’dan il-kuntest, il-Partit Nazzjonalista għandu quddiemu responsabbiltà storika li jerġa’ joffri viżjoni serja, kredibbli u ġusta għall-futur ta’ pajjiżna.

Il-governanza tajba ma tfissirx biss li ma ssirx korruzzjoni. Tfisser trasparenza fl-istituzzjonijiet, serjetà fil-ħatra ta’ persuni fil-poter, rispett lejn il-liġi, u fuq kollox, servizz onest lejn iċ-ċittadin. Dawn huma l-valuri li l-Partit Nazzjonalista jrid jerġa’ jagħmel tiegħu b’mod prattiku, mhux biss f’għajta jew slogan, iżda f’kull proposta u azzjoni li jippreżenta.

Bidu ta’ kapitlu ġdid

Il-Partit Nazzjonalista ilu snin ibati minn sfidi interni, u nuqqas ta’ fiduċja min-naħa tal-poplu. Iżda fl-aħħar xhur, u speċjalment fl-aħħar jiem mill-ħatra ta’ Alex Borg bħala Kap ġdid, qed tidher xewqa ġdida li jinbena kapitlu differenti – bażat fuq l-għaqda, l-inklużjoni u l-ftuħ lejn ideat ġodda.

Il-futur tal-Partit Nazzjonalista jiddependi fuq kemm kapaċi joħloq tim sod u kapaċi, li jagħti spazju lil nies ġodda u kompetenti, mingħajr ma jinjoraw lil dawk li taw ħajjithom għall-kawża.

Madankollu, mhux biżżejjed li l-PN jerġa’ jikseb is-saħħa tiegħu bħala partit. Hu importanti li jipproponi viżjoni nazzjonali li tmur lil hinn mill-kritika lejn il-Gvern preżenti. Propju kif qiegħed iwiegħed u jisħaq dwarha Alex Borg fl-ewwel diskorsi tiegħu bħala Kap tal-Partit u Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-poplu Malti jrid jisma’ aktar proposti konkreti dwar kif se titranġa l-ġustizzja, is-saħħa, l-edukazzjoni, il-pensjonijiet u l-ħarsien tal-ambjent. Irid jara partit li jisma’, jifhem, u joffri soluzzjonijiet serji. Proposti li mill-Oppożizzjoni l-PN diġà ilu joffri.

Il-ġid komuni qabel il-vantaġġ elettorali

Fuq kollox, trid tinbena kultura politika ġdida li ma tibqax tfittex biss il-vantaġġ elettorali, imma l-ġid komuni. Il-Partit Nazzjonalista għandu jkun il-forza li tirrifjuta l-mentalità tal-“aħna kontra intom” u minflok, jipprovdi spazju għal diskussjoni nazzjonali miftuħa, matura u b’rispett. Din hija l-viżjoni tal-Kap il-ġdid tal-PN Alex Borg u aħna nwegħduh li se nkunu warajh u nappoġġjawh f’kull deċiżjoni li jieħu f’dan ir-rigward.

Il-governanza tajba mhijiex ħolma romantika – hija ħtieġa reali. U l-Partit Nazzjonalista jista’ jkun strument ewlieni biex tinbena mill-ġdid din il-mentalità. Dan jirrikjedi kuraġġ u viżjoni, elementi diġà evidenti fil-Partit Nazzjonalista tal-lum imma li jrid ikompli jsaħħaħ u jibni fuqhom.

Il-futur tal-Partit Nazzjonalista u l-governanza tajba huma marbutin flimkien. Irridu nibnu fuq dan il-pedament sod. B’kuraġġ u determinazzjoni, naslu żgur.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 24 ta’ Settembru, 2025.