Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni
u s-Snajja’
Il-bidu ta’ kull sena skolastika, iġġib magħha tama u aspettattivi ġodda għat-tfal u għaż-żgħażagħ, għall-għalliema u għall-edukaturi, u wkoll għall-ġenituri. Bħala Partit Nazzjonalista fi stqarrija li ħriġna fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, awgurajna għal sistema edukattiva inklussiva fejn kull tifel u tifla jkollhom l-opportunità u l-appoġġ meħtieġ, kemm jekk jagħżlu rotta akkademika u kemm jekk vokazzjonali.
Il-Partit Nazzjonalista minn dejjem iħares lejn l-edukazzjoni bħala l-aktar għodda importanti li għandu l-bniedem biex biha tinbena s-soċjetà tal-lum u ta’ għada. Meta l-edukazzjoni tkun immexxija b’viżjoni ċara u studjata tista’ tippermetti lil pajjizna jindirizza l-ħtiġijiet personali, kulturali, soċjali u ekonomiċi taċ-ċittadini li jgħixu fih.
B’hekk, irridu naraw sistema edukattiva aktar sensittiva għall-bżonnijiet u għall-karatteristiċi tal-ġenerazzjoni tal-lum. Irridu naraw edukazzjoni li tħeġġeġ u trawwem aktar il-ħsieb kritiku, l-abbiltà li tiffaċċja b’mod effettiv l-isfidi; il-kisba tal-ħiliet diġitali u tal-abbiltà li żżomm mal-avvanzi teknoloġiċi; l-għarfien taċ-ċittadinanza globali; il-kreattività u l-innovazzjoni; il-kommunikazzjoni fil-forom varji tagħha; l-intelliġenza emozzjonali; l-empatija u r-rispett; u r-reżiljenza għall-benesseri personali u soċjali.
L-edukazzjoni f’Malta tingħata ħafna attenzjoni, u spiss tkun diskussa fil-livell politiku. Minkejja kull argument li l-edukazzjoni ma għandhiex tkun politiċizzata, l-edukazzjoni tista’ tavvanza biss bl-influwenza politika.
Twelled il-ġenerazzjonijiet
Tajjeb li ngħid li minkejja kollox, u minkejja l-kritika spissa tiegħi li nsegwi dan is-settur mill-qrib u b’attenzjoni, irridu nkunu sodisfatti li pereżempju, fl-2024 ir-rata ta’ ‘early school leavers’ naqset għal 9.6%, li hija figura ferm aktar pożittiva u tqarreb lejn il-medja Ewropea. Dan madankollu ma jfissirx li s-sistema obbligatorja qed isservi lill-istudenti kollha, għax sal-lum anki jekk għandna mijiet ta’ żgħażagħ li jkomplu bil-perkors edukattiv tagħhom, dawn mhux neċċessarjament qegħdin ilestu l-korsijiet rispettivi fil-post sekondarja.
Irrid ngħid ukoll, biex inkun fattwalment korrett, li 40.8% tal-popolazzjoni adulta għandha livell edukattiv baxx. Dan huwa wieħed mill-ogħla riżultati fl-Ewropa f’dan ir-rigward, u li ta’ min jinkwetana. Dan ifisser li għad għandna popolazzjoni li m’għandhiex l-għodda fundamentali biex tipparteċipa b’mod sħiħ fil-ħajja moderna bil-bidliet spissi li ġġib, fil-ħajja ekonomika, soċjali, u kulturali.
Pajjiżna ċertament irid jara aktar allokazzjoni ta’ riżorsi u investiment realistiku, mhux biss fil-bini ta’ skejjel ġodda jew fil-manutenzjoni, imma biex jintlaħqu standards dejjem aktar għoljin ta’ tagħlim inklussiv bl-użu ta’ teknoloġija aġġornata, b’materjal avvanzat għall-għalliema, u appoġġ sħiħ lill-istudenti. B’hekk, jixraq li l-pajjiż ikollu politika li tkun konsistenti u inklussiva fl-implimentazzjoni, biex mill-viżjoni fuq il-karti ngħaddu għall-attwalità.
Irridu nħarsu dejjem aktar il-benesseri ta’ kull persuna fis-sistema edukattiva, mhux biss it-tfal, imma wkoll l-għalliema u l-edukaturi u l-professjonisti li jagħmlu ħafna aktar minn kemm jidher u minn kemm huwa stmat. Jidhirli li rridu nsaħħu wkoll il-miri strateġiċi tagħna bħala pajjiż, inħarsu aktar l-indikaturi ta’ suċċess u l-evalwazzjoni bħalma jsir f’diversi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex nibdew inkejlu s-suċċess mhux biss bir-riżultati numeriċi imma wkoll b’modi differenti.
Jekk verament irridu li l-istudenti kollha minkejja l-isfond ekonomiku, il-ħiliet akkademiċi jew vokazzjonali, il-lokalità… u l-bqija jkollhom opportunità vera u ħajja edukattiva li tagħtihom ċans għall-futur, irridu azzjonijiet konkreti li jmorru lil hinn mill-istrateġiji jlellxu. Xejn ma jimpressjonani aktar, il-Gvern iwiegħed ħafna u mhux dejjem iwettaq, ħlief meta nara t-tfal u ż-żgħażagħ jieħdu mis-sistema edukattiva tagħna b’mod jew ieħor. L-iskola mhux biss twettaq missjoni edukattiva, hija missjoni umanitarja li twelled il-ġenerazzjonijiet, u għalhekk irridu nindukrawha, u kif jgħid l-Ingliż “handle with care”.
Se nibqgħu vuċi favur l-istudenti u l-edukaturi
Nikkonkludi billi nirringrazzja lill-Kapijiet u Deputati Kapijiet tal-iskejjel, lill-għalliema u lill-edukaturi kollha, lill-Uffiċjali Edukattivi, lill-Kapijiet tad-Dipartimenti, professjonisti varji, u ħaddiema anċillari li flimkien ma’ impjegati oħra fil-Ministeru tal-Edukazzjoni jikkontribwixxu bis-sħiħ għas-sistema edukattiva ta’ pajjiżna.
Matul din is-sena skolastika, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista mill-ġdid se tkun qed timpenja ruħha biex tkompli tkun vuċi favur l-istudenti u l-edukaturi kollha.
Mhu se tħalli ebda inizjattiva kożmetika tisraq l-attenzjoni tal-midja u tnessi l-ħtiġijiet reali. Fuq kollox mhix se tittollera politika li fiha jitwarrbu fil-ġenb il-bżonnijiet veri tal-istudenti u tal-edukaturi u tassigura li se żżomm fiċ-ċentru tal-politika tagħha l-inklużjoni fil-forom kollha tagħha. Aktar minn hekk, se tkompli tressaq ‘il quddiem il-viżjoni tagħha għal edukazzjoni tal-aqwa livell li tkun konformi maż-żminijiet u r-realtajiet li qed ngħixu fihom illum u dawk futuri.
Dak huwa d-dover tiegħi lejn is-settur li fdat f’idi fil-Parlament.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 24 ta’ Settembru, 2025.
//= $special ?>