Lokali

Pajjiżna jesperjenza l-ewwel togħma tal-ħarifa

Wara n-nixfa li l-gżejjer Maltin esperjenzaw fl-aħħar ġimgħat, din il-ġimgħa qed nesperjenzaw l-ewwel sinjali tal-ħarifa; b’temp iżjed imsaħħab, xita u temperaturi iżjed qrib in-norma għal dan iż-żmien tas-sena.

Fl-aħħar sigħat, il-gżejjer Maltin esperjenzaw ħalbiet iżolati tax-xita. U t-temp mistenni jibqa’ pjuttost imsaħħab, anke fil-jiem li ġejjin – b’aktar xita mistennija fi tmiem il-ġimgħa.

Anke jekk in-norma klimatika għax-xita, tul ix-xahar ta’ Settembru hija dik ta’ 59.2 mm, sa issa x-xahar baqa’ tista’ tgħid qoxqox. U l-jiem li ġejjin mistennija jisqu xi ftit jew wisq l-uċuħ tar-raba’.

Jirriżulta wkoll li t-temperaturi se jibqgħu relattivament sħan, bl-ogħla temperatura mistennija titla’ sa 29°C, biex imbagħad tinżel xi ftit fi tmiem il-ġimgħa, għal madwar 27°C, hekk kif ir-riħ idur mill-Majjistral. Filgħaxija, it-temperaturi mistennija jvarjaw bejn il-21°C u 22°C.

Intant, stqarrija maħruġa mill-ajruport internazzjonali ta’ Malta indikat kif l-għerejjex ta’ Santa Marija waslu eżatt fi żmienhom u għamlu xogħolhom. Fil-fatt, matul ix-xahar ta’ Awwissu, l-Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel 10.8 mm xita, jiġifieri ftit iżjed min-norma ta’ 9.7 mm. L-akbar ammont ta’ xita tkejlet bejn is-16 u s-17 tax-xahar, b’żewġ maltempati bis-sajjetti.

It-temperatura medja matul ix-xahar li għadda kienet dik ta’ 27.1°C.