Lokali Qorti

Persuni ffrodati minn scam li juri video ta’ Robert Abela jippromovi investiment fi “cryptocurrency”

Il-Qorti tal-Maġistrati preseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo, semgħet il-każ ta’ Kateryna Izotkina, ċittadina Ukrena ta’ 24 sena b’permess ta’ residenza fir-Renju Unit iżda mingħajr indirizz fiss f’Malta li tressqet il-Qorti fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus, qligħ frawdolenti, kisba ta’ flus b’pretensjonijiet foloz u involviment fi ħdan organizzazzjoni kriminali.

Il-prosekuzzjoni, rappreżentata mill-Avukat tal-Istat Marica Ciantar u mill-Ispetturi Andrew Rotin u Duncan Schembri, spjegat kif l-investigazzjoni bdiet wara li deher filmat fuq il-midja soċjali, maħluq b’intelliġenza artifiċjali, fejn kien jidher il-Prim Ministru Robert Abela jippromwovi investiment fi “cryptocurrency”. Dan il-filmat wassal biex bosta persuni ġew imqarrqa u tilfu flus.

Wieħed mill-allegati vittmi rrappurtat li tilef €53,000, kemm permezz ta’ trasferimenti kif ukoll f’ħlasijiet fi flus kontanti. Minkejja dan, il-komunikazzjoni bejn il-vittma u l-akkużata kompliet, b’din tal-aħħar tibqa’ titlob aktar flus.

L-investigaturi talbu u kisbu approvazzjoni għal “controlled delivery” u ntlaħaq qbil għal tranżazzjoni oħra ta’ €10,000 fi flus kontanti fil-pjazza taż-Żurrieq. Il-pulizija ppreparaw pakkett ta’ karti tal-flus foloz ta’ €50 li ngħata lill-vittma, u meta dawn ingħataw lill-akkużata, hija ġiet arrestata minn pulizija libsin pajżana fuq il-post.

Il-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni għal ordni ta’ ffriżar ta’ €63,000. Min-naħa tad-difiża, l-avukat Nicholai Bugeja, assistit minn Alexander Boichuk, talab għall-ħelsien mill-arrest, sostna li l-akkużata kkooperat bis-sħiħ mal-pulizija u li l-provi kollha jinsabu diġà f’idejn l-investigaturi.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat billi l-każ jinsab f’fażi bikrija, il-vittma prinċipali għadha ma xhiedetx, l-akkużata ma għandhiex rabtiet ma’ Malta u għalhekk hemm riskju ta’ ħarba, hemm biża’ ta’ tfixkil fil-provi u anke suspett ta’ rabta ma’ organizzazzjoni kriminali. Il-Qorti, wara li semgħet iż-żewġ naħat, irrifjutat it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li l-akkużata tinżamm taħt arrest preventiv.