Lokali Qorti

Sentenza sospiża fuq vjolenza domestika fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu

Il-Qorti tal-Maġistrati ppreseduta mill-Maġistrat Abigail Critien, ikkundannat raġel ta’ 34 sena, sentenza ta’ ħabs sospiża wara li ammetta każ ta’ vjolenza domestika fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu. Ir-raġel oriġinarjament mill-Eġittu, ammetta li fl-1 ta’ Lulju 2025 u fil-ġranet ta’ qabel, ikkawża biża’ u theddid ta’ vjolenza fuq il-mara, li heddidha u insulentaha, kif ukoll ħebb għaliha b’mod li kkawżalha ġrieħi ta’ natura ħafifa.

Hu ammetta wkoll li ġab ruħu b’mod ta’ fastidju persistenti fil-konfront tagħha. L-imputat kien arrestat u tressaq il-Qorti nhar l-4 ta’ Lulju li għadda fejn wieġeb mhux ħati għall-akkużi, iżda matul il-proċeduri, u b’mod partikolari fis-seduta tas-10 ta’ Settembru 2025, irreġistra ammissjoni libera u inkundizzjonata għall-akkużi kollha.

Il-Qorti, wara li wissietu dwar il-konsegwenzi legali u tagħtu ċans jikkonsulta mal-avukat tiegħu, aċċettat l-ammissjoni bħala valida u komda sabiex tagħmel il-konstatazzjonijiet tagħha. Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar il-piena, il-Qorti rrimarkat li l-ammissjoni saret fi stadju mhux bikri, wara li l-prosekuzzjoni kienet diġà għamlet il-provi tagħha.

Madankollu, il-Qorti ħadet f’kunsiderazzjoni l-fatt li l-imputat għandu fedina penali nadifa, li kien diġà ilu taħt arrest preventiv għal xhur, u li l-vittma stess qalet li ma xtaqitx li jinħareġ ordni ta’ trażżin favur tagħha u li kienet lesta taħfirlu għall-imġiba tiegħu.

Barra minn hekk, il-Qorti innotat li kien hemm ukoll elementi li jindikaw problemi ta’ abbuż ta’ sustanzi u għalhekk kienet diġà tqiegħed taħt ordni ta’ trattament pendenti dawn il-proċeduri. B’dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti sabet lill-imputat ħati tal-akkużi kollha u kkundannatu għal 18-il xahar ħabs, iżda ordnat li din is-sentenza ta’ priġunerija tiġi sospiża għal tliet snin.

Barra minn hekk, il-Qorti poġġiet lill-imputat taħt Ordni ta’ Trattament għal tliet snin sabiex jindirizza l-problema tad-droga u jirċievi l-għajnuna psikoloġika meħtieġa, taħt is-sorveljanza ta’ Probation Officer li għandu jirrapporta kull tliet xhur dwar l-andament tiegħu.

Il-Qorti ċaħdet it-talba tal-prosekuzzjoni għal ordni ta’ trażżin favur il-vittma, tenut kont ix-xhieda u x-xewqa tagħha, u ma laqgħetx it-talba dwar danni peress li dawn ma ġewx ikkwantifikati. Fl-aħħar nett, ordnat li kopja tas-sentenza u l-atti jiġu kkomunikati lill-Avukat Ġenerali skont il-liġi.

B’hekk, ir-raġel ġie ddikjarat ħati ta’ vjolenza domestika u ta’ fastidju fil-konfront ta’ Emily Muscat, iżda minflok priġunerija effettiva ngħata sentenza sospiża u ordni ta’ trattament sabiex jingħata ċ-ċans jindirizza l-problemi personali tiegħu taħt sorveljanza.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Antonello Magri.