Kummerċ Lokali Unjoni Ewropea

Aktar entitajiet Maltin jibbenefikaw mill-fondi ta’ Creative Europe


Malta qed tkompli tirreġistra suċċess sinifikanti fil-Programm Creative Europe, b’aktar entitajiet lokali u artisti emerġenti jiksbu fondi biex iwettqu proġetti kulturali innovattivi.

Wieħed mill-benefiċċjarji l-ġodda huwa l-VOCA Choir, li ngħata fondi għall-proġett ENSEMBLE – Encouraging Neighbourhoods to Support European Mental Health By Leading through European Song. Dan il-progett li jinkludi entitiajiet minn Spanja u l-Portugal, jiffokka fuq l-importanza tas-saħħa mentali permezz tal-qawwa tal-mużika L-għan tal-proġett hu li jqajjem kuxjenza u jkisser l-istigma madwar is-saħħa mentali, filwaqt li jippromwovi d-djalogu sa minn età żgħira.

Il-fażijiet ewlenin ta’ ENSEMBLE jinkludu kollaborazzjonijiet ma’ professjonisti u istituzzjonijiet fis-saħħa mentali f’kull pajjiż li qed jipparteċipa, workshops fejn il-korijiet ta’ Malta u Spanja se joħolqu flimkien lirika ffukata fuq il-kuxjenza dwar is-saħħa mentali kif ukoll kompożizzjoni professjonali mill- kumpanija Portugiża.

Il-proġett se jintemm bil-produzzjoni ta’ vidjow mużikali, li se jigi tradott f’kull lingwa uffiċjali tal-UE; kif ukoll bil-lingwa tas-sinjali universali u li se jitqassam lill-istituzzjonijiet tas-saħħa mentali madwar l-Ewropa.

Proġett ieħor li ngħata l-fondi mill-Programm Creative Europe, huwa MUSE – Mosaic of Understanding through Style and Expression, li minn Malta huwa rrappreżentat mil-Migrant Women Association Malta flimkien ma msieħba oħra mill-Ukrajna u l-Belġju.

MUSE tgħaqqad flimkien diżinjaturi, artiġjani u individwi minn oqsma differenti sabiex joħolqu kollezzjonijiet kollettivi ispirati mill-folklor lokali. Il-proġett jippromwovi artisti Ewropej fuq livell globali u jinvolvi parteċipanti li jiffaċċjaw sfidi soċjali jew personali.

Il-proġett għandu l-għan li jsaħħaħ id-djalogu interkulturali u jinkoraġġixxi l-ħolqien ta’ xogħlijiet artistiċi Ewropej kif ukoll jippromwovi l-inklużjoni u l-kuxjenza soċjali filwaqt li jagħti attenzjoni partikolari lil persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali, vittmi tal-gwerra u nisa immigranti.

Iż-żewġ proġetti li se jitlestew fl-2026, se jkunu qed jikkontribwixxu għal xenarju kulturali aktar inklużiv, kreattiv u konness madwar l-Ewropa. Is-sejħiet tal-programm Creative Europe jitħabbru kull sena.

Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ żur il-paġna Facebook Creative Europe Desk Malta jew fuq is-sit www.creativeeuropemalta.mt.