Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, tat raġun lill-Avukat Ġenerali fil-każ kontra Demba Labo Wagne, ċittadin mis-Senegal ta’ 28 sena, wara li rrevokat parti mis-sentenza tal-Maġistrati li kienet illiberatu mill-akkuża ewlenija ta’ traffikar ta’ cannabis.
Wagne kien arrestat f’Ġunju tal-2024 wara li żewġ pulizija rawh f’Paceville jgħaddi borża b’droga lil persuna oħra, Ethan Claude Bernard Clin, li aktar tard ammetta li xtara mingħandu żewġ grammi cannabis għal €30. 4
Il-pulizija rrappurtaw li Labo Wagne ħarab minn fuq il-post iżda ġie arrestat ftit jiem wara fl-ajruport. Testijiet tal-espert farmaċista Godwin Sammut ikkonfermaw li s-sustanza kienet tetrahydrocannabinol (THC) ta’ piż ta’ 1.60g u purità ta’ madwar 2.5%.
Il-Qorti tal-Maġistrati kienet illiberatu mill-akkużi kollha, fosthom il-bejgħ u t-traffikar ta’ droga, minħabba li qieset li d-data indikata fiċ-ċitazzjoni – 14 ta’ Ġunju 2024 – ma kinitx taqbel mal-fatti osservati. Madankollu, il-Qorti tal-Appell irrilevat li ċ-ċitazzjoni kienet tinkludi wkoll il-formula “u/jew fil-jiem u/jew fix-xhur ta’ qabel din id-data”, u għalhekk l-inċident tas-7 ta’ Ġunju kien xorta jaqa’ fi ħdan il-parametri temporali.
Il-Qorti osservat li l-ewwel qorti żbaljat legalment meta eskludiet dan il-perjodu u, fid-dawl tax-xhieda ċara ta’ Clin li identifika lil Wagne bħala l-persuna li biegħlu l-cannabis, sabet lill-appellat ħati tat-traffikar. B’hekk, filwaqt li kkonfermat l-liberazzjoni tiegħu mill-akkużi l-oħra (importazzjoni, pussess, ingurji, theddid u pussess ta’ arma li taqta’), il-Qorti kkundannatu għal sitt xhur ħabs effettiv, multa ta’ €500 u għall-ħlas tal-ispejjeż peritali ta’ €3,033.74.
Ġie ordnat ukoll li l-kwantità ta’ droga eżibita fil-proċess tiġi meqruda taħt il-ħarsien tar-Reġistratur tal-Qorti. Din id-deċiżjoni tfisser li Wagne, li kien ġie liberat kompletament mill-ewwel qorti, issa se jkollu jiskonta piena ta’ ħabs u jħallas il-multa u l-ispejjeż.
//= $special ?>