Lokali Qorti

Bulgaru pprova jitlaq minn Malta b’passaport mhux tiegħu “biex isib ħajja aħjar” f’Londra

Żagħżugħ ta’ 16-il sena ammetta li pprova jitlaq minn Malta mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta billi uża passaport li kien jappartjeni lil persuna oħra, l-istess dokument li uża wkoll biex jidħol minn pajjiż ieħor.

L-Ispettur Christian Abela spjega li l-minuri nstab fl-ajruport filwaqt li kien qed jistenna biex jitla’ fuq titjira lejn Dublin, wara li kien ilu xahar f’Malta. Qabel, kien jgħix fil-Bulgarija fejn ma ngħatax protezzjoni. Permezz ta’ ħbieb fil-Bulgarija u l-Greċja kien xtara passaport ta’ ħaddieħor u użah biex jivvjaġġa lejn Malta, bl-għan aħħari tiegħu li jasal Londra “biex isib ħajja aħjar.”

Quddiem il-Qorti, il-minuri ammetta li kellu f’idejh dokument uffiċjali maħruġ minn awtorità kompetenti lil terza persuna, li għamel użu minnu u li ta dikjarazzjoni falza lill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni. Ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju u ż-żagħżugħ baqa’ miżmum taħt arrest sakemm tingħata s-sentenza mill-Qorti tat-Tfal.

Il-kawża saret quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi. L-Ispettur Christian Abela mexxa l-prosekuzzjoni, filwaqt li l-akkużat kien assistit mill-avukat ta’ għajnuna legali Thomas Barbara Sant.