Il-Maġistrat Elaine Rizzo il-Ħamis filgħodu ddeċidiet li Daniel Joe Meli, żagħżugħ ta’ 28 sena minn Ħaż-Żabbar, ma jiġix estradit lejn l-Istati Uniti, fejn kien mitlub jiffaċċja akkużi relatati mal-bejgħ ta’ malware illegali fuq id-dark web bejn l-2012 u l-2022.
Meli kien arrestat fi Frar tas-sena li għaddiet f’operazzjoni konġunta bejn il-Pulizija u l-Avukat Ġenerali ta’ Malta, flimkien mal-FBI u d-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan. L-akkużi kontrih jirrigwardaw softwer magħruf bħala Remote Access Trojan (RAT), li jintuża biex wieħed jikseb aċċess u kontroll fuq kompjuters u servers.
Fil-bidu, l-imputat kien aċċetta li jiġi estradit iżda wara bidel fehmtu u kkontesta t-talba, wara bidla fil-liġi li għaddiet mill-Parlament li tagħtu din l-għażla. Fit-12 ta’ Mejju l-Qorti Maltija kienet diġà ċaħdet it-talba tal-Istati Uniti, billi qieset li l-prosekuzzjoni naqset milli tissodisfa l-piż tal-prova meħtieġ skont il-liġi Maltija u osservat li kien hemm approċċ “pjuttost laxk” fil-preżentazzjoni tal-evidenza.
Fis-30 ta’ Lulju, il-Qorti tal-Appell Kriminali bagħtet lura l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Maġistrati sabiex il-każ jiġi deċiż mill-ġdid. Meta l-fajl reġa’ tqiegħed quddiem il-Qorti tal-Kummit tal, il-Qorti ordnat li jinstemgħu biss is-sottomissjonijiet orali u li ma setgħetx tiġi prodotta ebda prova ġdida.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet finali, il-Qorti kkonfermat li ma kienx hemm bażi biex Meli jiġi estradit lejn l-Istati Uniti.
Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Avukati Daphne Baldacchino, Sean Xerri De Caro u Maria Zerafa Le-Gros għall-Avukat Ġenerali, assistiti mis-Superintendent Mario Cuschieri. L-imputat kien assistit mill-Avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi u Lennox Vella.
//= $special ?>