Opinjoni

Direttiva tal-UE u s-sidien tal-karozzi antiki u klassiċi

Naturalment jekk dil-liġi tidħol fis-seħħ, se jkun hemm, kif qed jisħaq Peter Agius, bidliet kbar fejn għandu x’jaqsam ma’ karozzi antiki u klassiċi. Kif se jkunu jistgħu dal-karozzi jibqgħu jimxu mal-liġi?

Mark A. Sammut Sassi

Ftit tal-jiem ilu, il-Membru Parlamentari Ewropew Peter Agius żvela li hemm intenzjoni fl-Unjoni Ewropea li tgħaddi direttiva ġdida li bis-saħħa tagħha karozzi li jkollhom komponenti mhux oriġinali jew użati jaf ma jgħaddux mit-test imsejjaħ VRT.

Mhux biss. Hemm il-ħsieb ukoll li jkun hemm restrizzjonijiet fuq il-partijiet, kif ukoll rekwiżiti aktar ebsin għat-testjar ta’ vetturi li għandhom ċertu żmien. Fost il-proposti hemm li karozzi li jkollhom aktar minn 10 snin iridu jagħmlu l-VRT kull sena, ikun kemm ikun il-kilometraġġ tagħhom. Dan mhux il-każ illum.

Naturalment jekk dil-liġi tidħol fis-seħħ, se jkun hemm, kif qed jisħaq Peter Agius, bidliet kbar fejn għandu x’jaqsam ma’ karozzi antiki u klassiċi. Kif se jkunu jistgħu dal-karozzi jibqgħu jimxu mal-liġi?

Min ikollu karozza antika x’se jibda jagħmel meta jkollu bżonn jibdel part u dik il-part ma tkunx tinstab bħala oriġinal imma biss bħala kopja? Bosta manifatturi tal-vetturi ma jibqgħux jipproduċu l-parts wara ċertu żmien. Allura x’se jiġri? Jintremew il-karozzi? Jinżammu ggaraxxjati.

Dil-proposta ta’ liġi hi proposta li se jġib ħafna wġigħ ta’ ras lil ħafna nies.

Għaliex qed issir dil-proposta?

Ir-raġunijiet li qed jingħataw huma li qed isiru f’kuntest ta’ ħarsien tal-ambjent. B’mod partikolari biex jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet li jikkontribwixxu għall-effett tas-serra.

Minkejja li dan jista’ jkun u jista’ ma jkunx minnu, hu interessanti li wieħed jagħti titwila lejn il-produzzjoni u l-bejgħ tal-karozzi ġodda fl-Ewropa.

Fl-ewwel kwart tal-2025, il-produzzjoni tal-karozzi fir-Repubblika Ċeka waqgħet b’7.1% għal 366,510 vettura.

L-istess ġara fi Spanja. Il-produzzjoni tal-karozzi hemmhekk waqgħet bi 8.4%. L-Ispanjoli fl-ewwel sitt xhur ipproduċew 1,220,595 vettura – 111,601 anqas mill-istess perjodu s-sena ta’ qabel. Dan kollu minħabba f’domanda batuta fl-Ewropa.

Fi Franza, xejn differenti. Fl-2024, il-Franċiżi pproduċew 910,243 karozza tal-passiġġieri, 11% anqas mis-sena ta’ qabel. Il-produzzjoni tal-vetturi kummerċjali leġġeri fl-2024 niżlet b’7% għal 447, 458 unità. Fl-2024, b’kollox il-Franċiżi pproduċew 1,357,701 vettura mentri fl-2023 kienu pproduċew 1,505,079.

Naraw ripetizzjoni ta’ dax-xenarju fl-Italja. Fl-2024, Stellantis (li nħolqot fl-2021 bit-twaħħid ta’ Fiat Chrysler ma’ PSA-Peugeot) ipproduċiet 475,090 vettura fl-Italja, mentri fl-2023 kienet ipproduċiet 751,384 vettura.

U fl-aħħar nett: il-Ġermanja, il-pajjiż Ewropew bl-aktar settur f’saħħtu tal-produzzjoni tal-karozzi. Das-settur Ġermaniż għaddej minn kriżi.

Kwint tal-ġid maħluq mill-manifattura fil-Ġermanja ġej mill-karozzi, li jiġġeneraw 6% tal-prodott gross domestiku ta’ dak il-pajjiż. L-industrija tal-karozzi timpjega 780,000 ruħ direttament u żżomm għaddejjin miljuni oħrajn b’mod mhux dirett.

Mhux biss il-produzzjoni naqset, imma wkoll il-bejgħ tal-karozzi Ġermaniżi. Bejn l-2017 u l-2023, il-bejgħ tal-karozzi Volkswagen waqa’ minn 10.7 miljun għal 9.2 miljun u tal-BMW minn 2.46 miljun għal 2.25 miljun. Tal-Mercedes niżel minn 2.3 miljun għal 2.04 miljun. Il-profitti ta’ dat-tlieta (meqjusin il-kbar) ċkienu b’terz matul l-ewwel disa’ xhur tal-2024.

Forsi hemm, forsi m’hemmx rabta ma’ daċ-ċifri. Jibqa’ l-fatt li jekk tgħaddi, did-direttiva l-ġdida se tagħmilha diffiċli li żżomm karozza li tkun bdiet teqdiem xi ftit.

Karozzi Ewropej esportati lejn l-Afrika

Nisimgħu ħafna dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet. U minħabba f’dal-emissjonijiet, iħeġġuna nixtru karozzi ġodda li jarmu anqas gassijiet mill-karozzi l-qodma.

Iżda mbagħad nisimgħu ferm anqas dwar il-karozzi li jiġu esportati lejn l-Afrika. Fl-2020, il-Programm tal-Ambjent tan-Nazzjonijiet Uniti ħarġu rapport (A Global Overview of Used Light Duty Vehicles:  Flow, Scale and Regulation)li jgħid b’mod ċar li l-Ewropa tesporta miljuni ta’ karozzi qodma lejn l-Afrika.

Nofs il-karozzi (49%) użati li timporta l-Afrika ġejjin mill-Ewropa. Il-biċċa l-kbira minnhom huma karozzi ta’ bejn 10 u 15-il sena (l-istess karozzi li qed timmira lejhom id-direttiva proposta). Dawn huma l-istess karozzi li fl-Ewropa huma mistmerrin għax jarmu l-gassijiet.

Wieħed bilfors jistaqsi jekk il-gassijiet mormijin fl-Afrika jmorrux fl-istess sema u fl-istess atmosfera jew imorrux f’xi atmosfera oħra, differenti minn tagħna l-Ewropej.

Dal-aspett tal-politika mdaħħan bl-ambigwità tal-ekonomiji nazzjonali li donnhom jiddettaw il-politika Ewropea.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 25 ta’ Settembru, 2025.