Fil-Qorti tal-Maġistrati, raġel ta’ 32 sena u bla xogħol tressaq mixli li hedded lill-eks sieħba tiegħu, ikkawżalha biża’ ta’ vjolenza, u saq il-karozza tagħha mingħajr liċenzja, kif ukoll li abbuża mill-mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika.
Il-Qorti semgħet kif ir-relazzjoni bejn il-koppja ntemmet f’Awwissu wara sentejn u nofs, iżda xorta baqgħu jgħixu fl-istess dar minħabba li l-akkużat ma kellux mezzi biex isostni ruħu, filwaqt li l-allegata vittma kienet qed tħallas il-kera u l-ispejjeż kollha.
Meta l-mara vvjaġġat lejn l-Italja biex iżżur lill-familja tagħha, l-akkużat allegatament beda jċemplilha ripetutament u jheddidha. Fost l-aġir tiegħu, allegatament bagħtilha filmat fejn jidher jgħidilha li jekk hu ma jikolx, lanqas il-klieb ma jispiċċaw jieklu, qabel ma sakkarhom f’kamra.
Huwa wkoll qalilha: “tkun taf x’inhu l-uġigħ meta tinżel Malta,” dan ġurnata qabel ir-ritorn tagħha. Meta reġgħet ġiet Malta, il-mara għamlet rapport mal-Pulizija u r-raġel ġie arrestat. Il-Qorti semgħet ukoll li l-akkużat bagħat filmat ieħor fejn deher isuq il-karozza tal-vittma, minkejja li qatt ma kellu liċenzja tas-sewqan.
Il-validità tal-arrest ma ġietx ikkontestata u l-akkużat wieġeb mhux ħati. Ma saritx talba għal ħelsien mill-arrest.
Il-każ qed jiġi prosekwit mill-Ispettur Audrey Micallef, filwaqt li l-akkużat qed jiġi assistit mill-avukat tal-għajnuna legali Thomas Barbara Sant. Il-Maġistrat Kevan Azzopardi sema’ l-każ.
//= $special ?>

