Lokali Transport

Il-poplu jrid soluzzjonijiet realistiċi għat-trasport, mhux il-wegħdi tas-silly season kif Clyde Caruana ddeskriva l-“ħolm” ta’ Robert Abela

Caruana jarmi l-wegħda li reġa’ rxoxta Abela dwar il-metrò;  jiddeskriviha bħala waħda minn dawk li jfajru meta kulħadd jibda jwiegħed kollox

Il-poplu jistenna politika matura mill-politiċi u mhux politika tas-‘silly seasons’. Mistoqsi dwar il-wegħda li reġa’ qala’ mill-arkivji nhar il-Ħadd il-Prim Ministru Robert Abela dwar il-metrò, il-Ministru Clyde Caruana lbieraħ qal li din mhi xejn għajr parti mis-silly season ta’ qabel kull elezzjoni meta jibdew iwiegħdu kollox lil kulħadd.

Il-Maltin u l-Għawdxin jippretendu ferm aħjar minn politika tas-silly seasons u mhux wegħdiet ta’ proġetti li fi kliem Clyde Caruana stess il-Gvern m’għandux flus biex iwettaq.

Sostna dan fi stqarrija x-Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà, Mark Anthony Sammut fejn stqarr li dawn it-tip ta’ wegħdi issa ndraw tant li saru kważi ċajta, bħal pereżempju l-wegħda tat-trakka tal-karozzi li elezzjoni wara elezzjoni l-Partit Laburista baqa’ jwiegħed, u elezzjoni wara elezzjoni d-dilettanti tħallew bix-xewqa għaliha.

Din it-tip ta’ politika hija skaduta u l-poplu jaf jgħarbel dak li hu duħħan fl-arja u dak li hu konkret.

Ħasra li Robert Abela qed jibqa’ juża problema li kabbar ħafna hu – dik tat-traffiku – biex jipprova jiskurja punti politiċi billi jwiegħed sistema ta’ metrò li kien diġà wiegħed kważi erba’ snin ilu. Dakinhar, biex għamel dan nefaq aktar minn żewġ miljun ewro mit-taxxi tagħna fi promozzjoni ta’ qabel l-elezzjoni. Issa reġa’ rxoxta din il-wegħda u qed jgħid li se jerġa’ jintensifika l-istudji għal dan il-proġett, jiġifieri se jkompli jdejjen lill-poplu biex jerġa’ jagħmel studju fuq xi ħaġa li l-Ministru tal-Finanzi tiegħu stess qed jgħidlu li trid il-biljuni ta’ ewro biex issir u li Clyde Caruana qal ċar u tond li l-pajjiż ma jiflaħx għalih.

Wara li kien ilu snin li waqaf jimbotta l-idea tal-metrò, erbat ijiem ilu Robert Abela, fil-paniku li qabdu wara l-ħatra ta’ Alex Borg bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, reġa’ semma dan il-proġett u reġa’ beda jfajjar wegħdi li fi kliem Clyde Caruana llum huwa biss “ħolm” li ma nistgħux naffordjaw.

Żgur li mhijiex kumbinazzjoni li Abela reġa’ qala’ mill-arkivji tiegħu stess din il-wegħda wara li Alex Borg qal li jeħtieġ li pajjiżna jkollu sistema tat-trasport tal-massa effiċjenti u realistika u ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jiġu varati proposti tal-Partit Nazzjonalista f’dan ir-rigward.

Abela qed iwiegħed metrò li Caruana qed jiddeskriviha bħala wegħda tas-silly season.

Kif qal Clyde Caruana stess, tajjeb li wieħed jisma’ kollox, imma mbagħad temmen jekk trid.