Lokali Qorti

Il-ġlieda fil-lukanda dB: Familjari ta’ raġel li miet immultati €7,500 u sentenza sospiża fuq theddid lejn Maġistrat u l-Pulizija

Żewġ qraba ta’ Roderick Sciortino, il-vittma li miet wara ġlieda fl-Hotel dB Seabank, illum ingħataw piena ta’ €7,500 multa kull wieħed u sentenza sospiża wara li ammettew li ċanfru, hedded u weħlu kliem oxxen lejn Maġistrat u uffiċjali tal-pulizija waqt seduta tal-qorti.

Il-każ seħħ aktar kmieni dan ix-xahar meta Horace u Nick Sciortino tressqu l-Qorti akkużati bi kliem ħażin lejn il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, li heddu u ħammġu żewġ pulizija, kif ukoll b’nuqqas ta’ osservanza ta’ ordnijiet u disturb fil-pubbliku.

Huma kienu tressqu l-Qorti wara li waqt seduta dwar il-ġlieda fil-lukanda ħarġet l-aħbar li Roderick Sciortino kien tilef ħajtu minħabba emoraġija fil-moħħ li, skont l-espert tal-qorti Mario Scerri, ma kinitx ikkawżata minn ġrieħi esterni.

Meta l-espert kien qed jixhed bil-“video conference”, is-seduta eskalat u ż-żewġ akkużati tkeċċew mill-awla. F’dak il-ħin, wieħed minnhom irritorna u offenda lill-Maġistrat bi kliem oxxen, u beda jgħajjat u jgħid kliem diżpreġattiv fil-konfront tal-ġustizzja.

Fid-dawl ta’ dawn l-inċidenti, il-Maġistrat Frendo Dimech ordnat ukoll li tingħata protezzjoni lill-familja ta’ l-Ingliż Liam Joseph Stacey, li jinsab akkużat li weġġa’ lil Sciortino, kif ukoll lill-ġurnalisti preżenti. Meta tressqu l-Qorti, iż-żewġ imputati wieġbu ħatja u anki skużaw ruħhom waqt l-istqarrija tagħhom.

Il-Ħamis, il-Qorti kkundannathom għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin flimkien mal-multi ta’ €7,500 kull wieħed. Ġiet ukoll imposta ordni ta’ protezzjoni favur il-Maġistrat u l-pulizija. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Gabriel Micallef u Jeffrey Rizzo, filwaqt li l-avukat Amadeus Cachia u l-prokuratur legali Paul Camilleri dehru għall-akkużati.