Lokali

Il-ħaddiema u l-istakeholders l-ewwel: L-impenn tal-Partit Nazzjonalista fil-Jum Dinji tal-Baħar

Ritratt: Martin Agius

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Baħar, li qed jiġi ċċelebrat illum il-25 ta’ Settembru bit-tema Our Ocean, Our Obligation, Our Opportunity, il-Partit Nazzjonalista jingħaqad mal-komunità marittima internazzjonali u dik Maltija biex ifakkar dan il-jum importanti u jtenni l-impenn tiegħu li jipproteġi l-baħar – li għandu rwol essenzjali fl-ekonomija dinjija, bħala sors ta’ impjiegi u ikel għall-bnedmin u bħala dar għal bosta speċi tal-baħar.

Il-Partit Nazzjonalista jħoss ukoll li għandu juri l-apprezzament tiegħu lejn l-istakeholders u l-ħaddiema kollha li bl-impenn tagħhom jagħmlu dan is-settur wieħed mill-aktar produttivi, kompetittivi u ta’ suċċess f’Malta.

Is-settur marittimu hu pilastru tal-ekonomija ta’ pajjiżna: mhux biss wieħed mill-aktar setturi importanti għall-ekonomija, iżda wkoll li jipprovdi xogħol lil eluf ta’ ħaddiema. Is-suċċess ta’ Malta bħala ċentru marittimu li joffri firxa wiesgħa ta’ servizzi – fosthom ir-reġistrazzjoni ta’ vapuri, ċentru ewlieni ta’ transhipment tal-containers, port ewlieni għall-cruise liners, ċentru għall-jottijiet, faċilitajiet ta’ ħażna u transhipment taż-żejt, tiswija ta’ vapuri u jottijiet, ċentru ta’ bunkering u servizzi għall-industrija offshore taż-żejt – għandu l-għeruq tiegħu fil-pedamenti stabbiliti minn amministrazzjonijiet suċċessivi Nazzjonalisti li biddlu lil Malta f’ċentru marittimu ta’ eċċellenza.

Madankollu, dan is-suċċess ma jfissirx li m’hemmx sfidi. Matul l-aħħar sena, l-EU Emissions Trading Scheme (EU ETS) poġġiet piż sproporzjonat fuq Malta. Filwaqt li l-għanijiet ambjentali huma pożittivi fil-prinċipju, l-implimentazzjoni ta’ din l-iskema ħalliet ħsara fuq l-ekonomija tagħna, naqqset il-kompetittività tal-Freeport, u għolliet il-ħajja. Studji reċenti jikkonfermaw li diversi bastimenti qed ibiddlu r-rotot tagħhom lejn portijiet barra mill-UE biex jevitaw il-ħlasijiet tal-ETS – b’konsegwenza diretta fuq l-impjiegi u l-investiment f’pajjiżna.

Malta kellha u setgħet tagħmel aktar biex tevita din is-sitwazzjoni. Għalhekk, il-PN jinsisti fuq rappreżentanza b’saħħitha u kompetenti kemm fi Brussell kif ukoll fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO). Sfortunatament, Malta ma kinitx rappreżentata kif suppost, bil-kariga ta’ attaché tekniku marittimu f’Londra baqgħet vojta għal dawn l-aħħar tliet snin – nuqqas li jpoġġi f’riskju l-vuċi ta’ pajjiżna f’diskussjonijiet internazzjonali kruċjali.

F’dan il-Jum Dinji tal-Baħar, il-Partit Nazzjonalista jtenni d-determinazzjoni tiegħu li:

  • Ipoġġi l-interessi ta’ Malta l-ewwel u jassigura li l-bżonnijiet tal-istakeholders u tal-ħaddiema jiġu mħarsa;
  • Isaħħaħ ir-rappreżentanza ta’ Malta fuq livell internazzjonali, partikolarment fl-UE u fl-IMO;
  • Jimplimenta Viżjoni Marittima olistika li tagħmel lil Malta kompetittiva, sostenibbli u attraenti għall-investiment.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jħares dan is-settur strateġiku, jassigura t-tkabbir kontinwu tiegħu u jipproteġi l-għajxien ta’ dawk kollha li jiddependu fuqu.

Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Affarijiet Marittimi, Djalogu Soċjali u l-Ġlieda kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo.