Futbol Sport

Lucas Villela l-aqwa skorer ta’ Hibernians u l-bojja ta’ kull difiża avversarja

Lucas Villela
Lucas Villela

Il-Brażiljan ta’ 27 sena, Lucas Villela llu disa’ xhur f’Malta jilgħab ma’ Hibernians, u l-impatt li dan l-attakkant ħalla sal-lum kien wieħed sinifikanti. Lucas Villela, li kellu diġa’ esperjenza tal-futbol Ewropew qabel ma ġie jilgħab f’Malta, kien akkwistat mill-Pawlisti f’Jannar li għadda.

Dawk fiċ-ċrieki tal-futbol, jaafu biżżejjed li normalment ma tkunx faċli għal kwalunkwé klabb li fit-tieqa tat-trasferimanti ta’ Jannar, jikseb plejer barrani ta’ kwalitá, u wisq aktar li jkun għadu qatt ma lagħab f’pajjiżna. Hu fatt, li l-maġġoranza tal-akkwisti li jsiru f’Jannar, ta’ plejers barranin li jagħżlu li jiffirmaw ma’ klabb Malti għall-ewwel darba, ma jkunux ta’ suċċess jew ikunu jridu ż-żmien sakemm jibdew juru l-aħjar tagħhom.

Iżda għal kollox teżisti l-eċċezzjoni, u Lucas Villela hu l-akbar eċċezzjoni għal dawk li jiddubitaw mill-effettivitá ta’ plejer barrani li jiġi jilgħab għall-ewwel darba f’wieħed mill-Kampjonati tagħna, f’nofs staġun.

Mill-ewwel dehra ta’ Lucas Villela f’Malta, sal-lum, l-attakkant ta’ Hibernians kien sempliċiment suċċess u malajr sar wieħed mill-plejers favoriti tal-partitarji tal-pagun.

Minn Jannar sal-lum, f’disa’ xhur sħaħ, Lucas Villela, lagħab 28 partita għal Hibernians u skorja total ta’ 18-il gowl. Fl-aħħar match day, fl-ewwel derby tiegħu ma’ Hibernians kontra Tarxien Rainbows, Lucas Villela skorja darbtejn, biex b’hekk dan l-istaġun fil-Malta Premier diġa’ skorja sitt darbiet.

Sitt gowls f’sitt partiti tal-Kampjonat, li preżentament jagħmlu lill-attakkant Brażiljan bħala l-aqwa skorer tal-Malta Premier. Wara daqstant partiti, l-iskwadra taħt il-gwida teknika ta’ Branko Nisevic għandha l-aqwa attakk tal-Kampjonat, b’total ta’ 16-il gowl skorjat. Ta bilħaqq li Hibernians s’issa kienu impressjonanti mhux għaliex m’għandhomx nukleju ta’ plejers li permezz tagħhom ikunu sfidanti għar-rebħ tal-unuri, iżda għaliex il-mixja ta’ Hibernians f’dawn l-ewwel sitt partiti tal-Malta Premier, kienet ikkarateriżżata minn diversi injuries.

Hibernians bl-għola rata medja ta’ gowls skorjati f’kull partita u Lucas Villela bl-aqwa xG minn fost kwalunkwé plejer ieħor tal-Malta Premier

Interessanti l-fatt li attwalment, Hibernians għandhom l-għola rata ta’ gowls skorjati f’kull partita; b’medja ta’ aktar min 2.5 gowls skorjati f’kull logħba.

Sintendi, il-presenza ta’ Lucas Villela fit-tim ta’ Hibernians qed tinstiga din il-forma mil-aqwa li għaddejin minha l-Pawlisti. Ironikament pero, Hiberians qed jirnexxilhom jibqgħu għaddejin fit-triq tar-rebħ, iżommu l-ewwel post fil-klassifika u jkomplu jiskorjaw, minkejja li għandhom nieqes lill-iskorer prolifiku tagħhom, l-internazzjonali Malti, Jurgen Degabriele li bħalissa qed jirkupra wara li saritlu operazzjoni li jidher li rnexxiet, fil-ligamenti anterjuri ta’ siequ.

M’hemmx dubju li Lucas Villela s’issa kien wieħed mill-aqwa plejers tal-Malta Premier, tant li l-xG tiegħu fil-mument hija l-għola waħda minn dik ta’ kwalunkwé plejer ieħor fil-Malta Premier, b’metrika numerika li tissupera l-ammont ta’ tliet gowls li wieħed jistenna li l-Brażiljan ta’ 27 sena jiskorja fil-logħba li jmiss.

Biex nissimplifika xi tfisser xG, din hija metrika rivoluzzjonarja u ġdida fil-futbol modern, ​​li tippermettilek tevalwa l-prestazzjoni tat-tim jew ta’ plejer partikolari. Din il-metrika tagħti kejl numeriku ta’ kemm huma ċ-ċansijiet ta’ skor minn plejer fil-partita li jkun imissu jilgħab u l-kejl numeriku hu bbażżata fuq formula apposta, fejn tintuża’ informazzjoni speċifika u apposta, biex tikkalkula l-probabbiltà li fil-partita Ii jkun imiss, dak il-plejer partikolari, jiskorja u kemm bħala ammont ta’ gowls. Il-kejl metriku jiġi maħdum fi proporzjon mad-dettall u l-informazzjoni tax-xuttijiet fl-attakk li jkunu saru mil-plejer fil-partiti preċidenti, inkluż fl-istaġuni ta’ qabel.

Hibernians ilhom aktar minn ħames snin, ma jkollhom attakkant barrani bħala l-aqwa skorer tat-titm

Fil-veritá, f’dawn l-aħħar snin, għal kontra ta’ timijiet oħra fil-Malta Premier, Hibernians dejjem kellhom lil Jurgen Degabriele, attakkant Malti u ta’ kwalitá, li jtemm l-istaġun bħala l-aqwa skorer tat-tim fil-Kampjonat. Hibernians ilhom mill-istaġun 2018/19 ma jkollhom plejer barrani li jkun l-aqwa skorer tat-tim, meta f’dak l-istaġun, fejn kienu tilfu r-rebħ tal-Kampjonat bl-għoti tal-penalties kontra Valletta, Hibernians kellhom lill-attakkant Brażiljan, Taylon bħala l-plejer bl-akbar ammont ta’ gowls skorjati. Qabel Taylon, sa għaxar snin ilu, il-Pawlisti kellhom żewġ skorers oħra prolifiċi li kienu magħrufa għall-ammont ta’ gowls li jiskorjaw f’staġun wieħed. Dawn kienu il-Brażiljani Edison Tarabai u Gilmar.