Opinjoni

OPINJONI

Din il-ġimgħa għaddiet fid-dell tar-rapport ippreżentat mill-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali dwar il-konċessjoni ulterjuri tal-Fortina

minn Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem

  1. Dell, għax f’dan il-pajjiż qisna ma nistgħux infiequ minn każijiet koroh bħal dawn.
    Rapport dettaljat li jġib għad-dawl tagħna dak li seħħ u li ma missu qatt li seħħ. F’ħafna dan huwa tort tal-Gvern li ma ried jisma’ xejn mill-kritika li saret lilu mill-Oppożizzjoni snin ilu. Bħas-soltu, flok fittxew li jaraw il-valur tal-pożizzjoni tagħna skartawha, irredikolawna u ppruvaw iġibuna fil-vesti ta’ dawk li huma kontra l-interessi nazzjonali jew tat-turiżmu.
    Huwa ta’ inkwiet kif f’dan il-pajjiż ma nistgħux nieħdu r-ruħ sabiex l-affarijiet isiru kif għandhom isiru.

Almenu

  1. Fuq in-naħa l-oħra hemm almenu d-dawl li għandna sija l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, kif ukoll l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati li huma gwardjani tas-sewwa. Ix-xogħol metikoluż u kkumplikat li l-Awditur Ġenerali wettaq huwa ta’ konfort.
    Għad hawn min kapaċi jaħdem b’indipendenza u b’imparzjalità. Moħħna mistrieħ li ma hemmx idejn twal li jilħquh. Dmiru wettqu fil-libertà u wasal għall-konklużjonijiet li lkoll nafu bihom. Rapport ieħor determinanti li jimmarka d-dnubiet mortali li dan il-Gvern, f’dawn it-tliet leġiżlaturi, ra jseħħu taħtu.
    U għalkemm bħala argument jista’ jingħad li ma kienx hemm politiċi involuti, xorta jqum dak li dan kollu ma setax jagħmel sens mill-bidu, u li bi ftit attenzjoni u żelu setgħu waqqfu dak li kien ser iseħħ. Billi kienu min kienu però jidher li, anzi, kien hemm aċċettazzjoni li kollox kellu jgħaddi riħ.

Pajjiżna

  1. F’dan jista’ jkun hemm min jgħidilna li dawn ix-xalati jsiru f’kull pajjiż. Biss, bir-rispett kollu, aħna m’aħniex interessati f’dat-tip ta’ argumenti.
    Pajjiżna jixraqlu ferm aħjar milli għandu llum il-ġurnata. Jixraqlu li ma jkollux aktar minn dawn l-iskandli u li l-proċeduri legali jsiru kif għandhom isiru. Ċertament għandna ħafna iktar x’nisimgħu, għax kif idderieġa tajjeb l-Ispeaker tal-Kamra, l-investigazzjonijiet għandhom jibdew minnufih sabiex wieħed jara min kien responsabbli għal dan l-aġir illegali. Hemm aġir żbaljat li wieħed irid jagħti kont tiegħu għaliex is-soċjetà u l-komunità kummerċjali għandhom kull dritt jaraw li l-liġijiet ikunu applikati b’mod ugwali ma’ kulħadd.

Mhux biżżejjed

  1. F’dan naħseb li għall-opinjoni pubblika, u għal dawk li jridu s-sewwa mhuwiex biżżejjed li wieħed jgħid: “Tuni lura d-differenza”. Huwa tajjeb li jsir eżami oġġettiv tal-affarijiet, jiġifieri li wieħed jara dak li kellu jitħallas u li ma tħallasx. Imma anki jekk tasal għal dan, tkun qiegħed finalment tippremja lil min abbuża mis-sistema.
    Tkun biss qed tkompli tiftaħ iktar beraħ il-bieb għal dawk li huma deċiżi li jabbużaw u wara, jekk dejjem jinqabdu, iħallsu. Mhuwiex b’xi mod leġittimu u aċċettabbli li dan l-aġir jiġi ppremjat. Wieħed irid ifittex u jibni kummissjoni indipendenti li mhux biss tara, imma li tirrakkomanda r-rimedji.
    Dan sija fid-Dipartiment innifsu li ra wisq tibdil fil-Ministri li jmexxuh, kif ukoll fir-rakkomandazzjonijiet inġenerali. Mhuwiex sabiħ li nikkonkludu, minkejja l-mekkaniżmi legali li għandna, li kien hemm min daħaq bil-Kamra tad-Deputati u mmanipulaha. Il-poplu jrid jara d-differenza.

F’dan il-jum

  1. Pajjiżna jixraqlu li jiċċelebra l-Jum tal-Indipendenza tagħna fl-għarfien li għandu lil min imexxih sewwa. Fil-libertà u l-ugwaljanza li naħdmu għalih. Fl-importanza li nagħtu liċ-ċertezza tad-dritt naħseb li hemm bżonn bnedmin differenti li jmexxu aħjar lil pajjiżna.
    Waqt li niċċelebraw fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, għandna niftakru li fil-politika u fil-ħajja hemm min iħares l-interessi personali tiegħu, imma hemm ukoll dawk li jħarsu l-interessi tal-ġid komuni.
    Dawn il-gżejjer jimxu, u jibqgħu jimxu fil-progress meta l-għeruq veri tagħhom jiġu rispettati. Il-Ġustizzja Soċjali fid-demokrazija titlob li l-ġid nazzjonali jitqassam u ma jispiċċax fil-but ta’ dawk li huma ppreferuti.

Nittama

  1. F’dan aktar nittama li l-kuntest sħiħ ta’ dak li seħħ ma jitteħidx f’dak li tipprova tgħid li kull partit iwettaq affarijiet bħal dawn. Mhuwiex minnu. F’dawn it-tnax-il sena ta’ Gvern Laburista, l-istorja turi li dawn il-każijiet ma waqfux.
    Dawk il-każijiet veri li lkoll nafu bihom. F’dan hemm għażla varja ta’ rapporti li saru mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali li jinsabu quddiemna. Dawk li ħarġu għad-dawl tax-xemx. Dawk li juru l-abbuż li sar, u fl-istess ħin, il-mentalità li daħlet. Dik li wieħed għandu l-libertà li jaġixxi illegalment u kif irid, sakemm forsi xi darba jinqabad.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 21 ta’ Settembru, 2025.