minn Angeo Micallef
Nhar is-Sibt li għadda kien mument importanti fil-kalendarju politiku tal-Partit Nazzjonalista hekk kif laħqu l-qofol tagħhom iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista għall-festi tal-indipendenza. Kienu ċelebrazzjonijiet li laħqu l-qofol tagħhom bil-mass meeting tradizzjonali tal-20 ta’ Settembru, li din id-darba kien ukoll l-ewwel mass meeting indirizzat mill-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg. Mass meeting li fih il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg wassal diskors qawwi ħafna li offra viżjoni ċara tal-politika tal-Partit Nazzjonalista.
Kien diskors li wera biċ-ċar li l-politika tal-Partit Nazzjonalista hija waħda fejn il-partit huwa miftuħ beraħ għal dawk kollha ta’ rieda tajba. Diskors li wera biċ-ċar li l-politika tal-Partit Nazzjonalista mhijiex mibnija fuq xi mibegħda politika jew fuq xi sens ta’ pika bejn il-blu u l-aħmar. Diskors li wera biċ-ċar li l-politika tal-Partit Nazzjonalista hija waħda fejn fiċ-ċentru tal-politika hemm l-interess nazzjonali.
Kien diskors li wera biċ-ċar li l-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg ser ikun partit pożittiv u propożittiv. Partit li juża l-enerġija tiegħu sabiex joffri tama politika ġdida u joffri lil pajjiżna l-gvern alternattiv li pajjiżna tant għandu bżonn. Diskors li bla dubju ta’ xejn kien imfassal mhux biss b’xi tir politiku imma mfassal b’sens ta’ mħabba lejn il-pajjiż u ta’ rieda li nkunu forza politika pożittiva.
Naturalment fl-istess waqt kien diskors li fih Alex Borg ma qagħadtx lura milli jitkellem fuq il-fallimenti ċari tal-Gvern ta’ Robert Abela. Ma qagħadtx lura milli juri li dan huwa gvern fejn tal-klikka jiffangaw a spejjeż tal-poplu. Ma qagħadtx lura milli juri li dan huwa gvern fejn kif kien hemm min saħaq anke minnn ħdan il-Partit Laburista stess, hemm min hu kuntent jitħanżer.
Diskors li wera sens qawwi ta’ bilanċ bejn ir-rwol tal-Oppożizzjoni li tkun kritika tal-Gvern tal-ġurnata billi turi b’mod ċar in-nuqqasijiet ta’ dak il-Gvern u fl-istess ħin ir-rwol tal-Oppożizzjoni li tkun pożittiva u toffri tama politika ġdida lill-poplu.
M’għandi ebda dubju li dan kien diskors li jawgura tajjeb ħafna għal futur tal-Partit Nazzjonalista. Bħalma jawgura tajjeb ukoll il-wirja ta’ għaqda assoluta li offrew fuq dak il-palk il-Kap Alex Borg u d-deputat Adrian Delia li bagħtu messaġġ ċar li ser jaħdmu flimkien spalla ma’ spalla. Awgurju tajjeb ukoll kien l-entużjażmu assolut ta’ dawk li attendew u dan biex ma nsemmux il-ħafna li segwew id-diskors live fuq Net Television, Net FM u online fuq Facebook.
Naturalment dan is-sens ta’ entużjażmu u pożittiva fil-Partit Nazzjonalista mhuwiex nieżel tajjeb mal-Partit Laburista. Partit Laburista li nfexx fil-politika antika ta’ attakki, nofs veritajiet u tidwir tad-diskors biex jipprovaw b’xi mod iħammġu lil Kap u jwaqqfu l-mixja pożittiva tal-Partit Nazzjonalista. Partit Laburista ankrat mal-politika qaddi ma’ tal-blu u l-aħmar fejn dak kollu li huwa blu jrid jidher bħala xi għadu. Partit Laburista li qiegħed juri bl-aktar mod ċar li jaf li pajjiżna għandu bżonn paġna ġdida u jinstab imwerwer mill-prospett li l-poplu jara fil-Partit Nazzjonalista l-paġna ġdida li għandu bżonn.
Fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjien huwa importanti li nżommu ħajja din il-fjamma ta’ entużjażmu. Huwa importanti li kulħadd bil-mod tiegħu jibqa’ joffri l-għajnuna tiegħu lill-Partit Nazzjonalista. Huwa importanti li naħdmu għal paġna ġdida. Dan hu l-mument li ningħaqdu lkoll flimkien. Dan hu l-mument li naraw li jasal il-messaġġ. Dan hu l-mument li nemmnu mill-ġdid li nistgħu nirbħu u li għandna nirbħu. Dan hu l-mument li ninsew id-differenzi u naħdmu għal din l-art ħelwa l-omm li tagħtna isimha.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 25 ta’ Settembru, 2025.
//= $special ?>