Raġel ta’ 42 sena ngħata ordni ta’ probation ta’ tliet snin wara li ammetta li hedded lill-eks sieħba tiegħu diversi drabi, fosthom billi qalilha li kien joqtol il-kelb tagħha u jaħraq il-ħanut fejn taħdem. Fil-Qorti ntqal kif l-eks sieħba ressqet rapport fl-Unità tal-Vjolenza Domestika nhar it-17 ta’ Settembru.
L-Ispettur Antonello Magri spjega li l-akkużat u l-vittma kienu ilhom flimkien sena u nofs iżda separaw xahar ilu. Minn dakinhar, il-vittma bdiet tirċievi theddid regolari mill-akkużat. Risk assessment fuq il-każ wera li kienet teżisti periklu serju, u għalhekk ir-raġel ġie arrestat l-Erbgħa filgħaxija.
Il-validità tal-arrest ma ġietx ikkontestata u ammetta l-akkużi, filwaqt li skuża ruħu fil-Qorti. Huwa kien mixli wkoll bi ksur ta’ sentenza sospiża u bħala reċediv. Il-Qorti sabitu ħati u imponiet ordni ta’ probation ta’ tliet snin, kif ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u ordni ta’ trattament.
Il-prosekuzzjoni saret mill-Ispettur Antonello Magri, filwaqt li l-avukati Franco Debono u Matthew Xuereb dehru għall-akkużat.
//= $special ?>