Il-kampanja “Ġustizzja għal Artna” għadha kif ippubblikat filmat ta’ promozzjoni għall-protesta nazzjonali “Ġustizzja għal Artna: Irtirawhom Issa!” li se ssir is-Sibt l-4 ta’ Ottubru, fl-10am. Il-protesta tibda minn quddiem il-Qorti, il-Belt Valletta.
Il-filmat, li fih tieħu sehem l-attriċi lokali Michela Farrugia, jipprovdi ħarsa lejn dak li ninsabu f’riskju li nitilfu jekk il-liġijiet tal-ippjanar proposti jidħlu fis-seħħ: it-telfa tal-pajsaġġi uniċi ta’ Malta u Għawdex, il-wirt kulturali, u l-ispazji miftuħa. Permezz tal-messaġġ b’saħħtu li qed iwassal, il-filmat ifakkarna li minkejja l-bosta sfidi li qed naffaċċjaw, għad fadlilna postijiet f’pajjiżna li ħaqqhom il-ħarsien u l-isforzi tagħna.
Il-kampanja “Ġustizzja għal Artna” qed issejjaħ lill-pubbliku biex joħroġ bi ħġaru, isemma’ leħnu, u jitlob li dawn il-liġijiet qerrieda jiġu rtirati. Il-messaġġ huwa wieħed kemm ta’ urġenza kif ukoll ta’ tama: li l-azzjoni kollettiva kapaċi ssarraf f’bidla, u li l-wirt naturali u kulturali tagħna għandu jiġi ssalvagwardjat għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Inħeġġu liċ-ċittadini kollha li jimpurtahom mill-futur ta’ pajjiżna biex nhar is-Sibt l-4 ta’ Ottubru, jingħaqdu fil-Belt Valletta sabiex ikun hawn vuċi waħda flimkien favur il-ġustizzja għal artna.
//= $special ?>