Lokali Qorti

Sentenza sospiża u multa wara li heddied Pulizija u weġġgħat żewġ gwardjani tas-sigurtà

Il-Qorti tal-Maġistrati, ippreseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi, ikkundannat mara ta’ 34 sena għal sena ħabs sospiża għal sentejn u multa ta’ €1,200, wara li ammettiet li heddet u offendit uffiċjal tal-pulizija u kkawżat ġrieħi ħfief lil żewġ gwardjani tas-sigurtà fiċ-Ċentru tas-Saħħa Reġjonali Ċensu Moran.

Il-mara, li kienet akkużata wkoll li fixklet l-ordni pubbliku u li din ġiet arrestata wara argument li qam mal-gwardjani. Il-validità tal-arrest ma ġietx ikkontestata u l-akkużata ammettiet mill-ewwel il-ħtija tagħha. L-avukat tad-difiża Matthew Xuereb sostna li l-klijenta tiegħu, li għandha tliet itfal b’kundizzjonijiet ta’ saħħa, kienet marret tfittex kura iżda ma kellhiex il-karta tal-identità magħha.

Huwa spjega li qabadha paniku u argumentat mal-ħaddiema tas-sigurtà, iżda mbagħad ikkoperat mal-awtoritajiet u skużat ruħha. Matul is-seduta ħareġ ukoll li l-gwardjani tas-sigurtà involuti fil-każ qed jiġu investigati.

Filwaqt li kkundanna l-imġiba tal-mara, il-Maġistrat Azzopardi osserva li hu stess jagħmel użu mis-servizzi tas-sigurtà fil-faċilitajiet tas-saħħa u spiss jibqa’ diżappuntat bil-mod kif jittrattaw lin-nies. Huwa saħaq li dawk li jaħdmu f’dan is-settur għandhom jingħataw taħriġ adegwat biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-pubbliku tas-servizz tas-saħħa.

Barra mill-piena sospiża u l-multa, il-Qorti ordnat ukoll ordni ta’ protezzjoni favur diversi persuni. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Gabriel Kitcher, filwaqt li l-mara kienet assistita mill-avukat Matthew Xuereb.