Żewġ irġiel tressqu l-Qorti u ġew ordnati jinżammu taħt arrest wara li allegatament fil-karozza li kienu qegħdin jużaw instabu madwar 40 pakketti= droga kokaina u eroina. Il-Qorti semgħet kif Massimo Grixti, ta’ 36 sena, u Priviledge Mupimhidzi, ta’ 38 sena, ġew akkużati li kellhom fil-pussess tagħhom dawn is-sustanzi f’ċirkostanzi li juru li ma kinux għall-użu personali.
Grixti wieġeb ukoll għal akkużi individwali oħra li jinkludu li kien qed isuq mingħajr liċenzja, li volontarjament għamel ħsara lil karozza tal-pulizija, li kiser kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest u li wettaq reati waqt is-sospensjoni ta’ sentenza oħra.
L-Ispettur Alfredo Mangion spjega kif il-każ seħħ fil-23 ta’ Settembru meta l-iskwadra tad-droga waqqfet karozza f’Ħamrun minħabba l-movimenti suspettużi tagħha. F’dak il-mument, Grixti, li kien flimkien ma’ Mupimhidzi, allegatament irriversja fuq karozza tal-pulizija biex jipprova jaħrab.
Iż-żewġ irġiel ġew arrestati fuq il-post u fit-tfittxija li saret instabet borża bi €600 fi flus kontanti, il-pakketti tad-droga u tliet televixins ġodda magħluqa fil-kaxxi tagħhom. Il-validità tal-arrest ma ġietx ikkontestata iżda t-tnejn ċaħdu l-akkużi.
Ġiet magħmula talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-istadju bikri tal-investigazzjonijiet u l-karattru refrattarju tal-imputati. Id-difiża rribattiet, bil-Avukat Josè Herrera jisħaq li ma setax ikun hemm tfixkil tal-provi peress li l-każ tal-prosekuzzjoni ma kienx ibbażat fuq xhieda ċivili, filwaqt li l-Avukat Francesca Zarb irrimarkat li l-provi kienu qed jinżammu permezz ta’ inkjesta pendenti.
Il-Qorti, madankollu, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li ż-żewġ imputati jibqgħu miżmuma taħt arrest. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Nadia Ciappara mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Alfredo Mangion. L-Avukati Josè Herrera u Naomi Spiteri dehru għal Priviledge Mupimhidzi, filwaqt li l-Avukat Francesca Zarb dehret għal Massimo Grixti.
//= $special ?>