Lokali Parlament

3,688 rapport dwar vjolenza domestika f’temp ta’ sena u nofs

Saru total ta’ 1,463 rapport dwar vjolenza domestika minn Jannar 2025 sal-aħħar ta’ Awwissu. Jirriżulta wkoll li saru 2,225 rapport mal-Pulizija dwar l-istess reat matul is-sena li għaddiet – total ta’ 3,688 rapport dwar vjolenza domestika sa Awwissu li għadda u s-sena li għaddiet.

Rapporti b’rabta ma’ feriti gravi b’arma irregolari s-sena li għaddiet saru 4 rapporti u 6 din is-sena; rapport din is-sena u rapport ieħor is-sena li għaddiet b’feriti gravi b’arma regolari; 39 rapport ta’ feriti gravi b’forza fiżika s-sena li għaddiet u 27 din is-sena; 1,742 rapport dwar ħsara psikoloġika s-sena li għaddiet u 1,109 din is-sena; 29 rappport ta’ feriti ħfif b’arma irregolari u 15 din is-sena; 7 rapporti dwar feriti ħfif b’arma regolari s-sena li għaddiet u rapport wieħed din is-sena; 398 rapport dwar feriti ħfif b’forza fizika s-sena li għaddiet u 294 din is-sena; u ħames rapporti s-sena li għaddiet dwar insegwiment malizzjuż u għaxra din is-sena.

Statistika dwar rapporti ta’ vjolenza domestika li saru lill-Pulizija ngħatat fil-Parlament mill-Ministru Byron Camilleri, Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol; għal diversi mistoqsijiet tad-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Perevi.

Jirriżulta wkoll li mir-rapporti li saru mal-Pulizija dwar vjolenza domestika fis sena 2024 u sal-aħħar ta’ Awwissu tas-sena 2025, in-numru ta’ vittmi li rrapurtaw vjolenza domestika u li ġejjin minn pajjiżi terzi kienu 143 u 87 rispettivament.

Il-Ministru Camilleri qal ukoll li mir-rapporti li saru mal-Pulizija dwar vjolenza domestika fis-sena 2024 sal-aħħar ta’ Awwissu tas-sena 2025, in-numru ta’ vittmi li rrapportaw vjolenza domestika u li ġejjin mill-Unjoni Ewropea u mhux Malta, kien ta’ 98 u 53 rispettivament.