Il-Fondazzjoni Jarhead Young Sailors għamlet pass ieħor importanti ’l quddiem bit-tnedija ta’ dehra ġdida tal-jott J109 Jarhead. Id-dehra aġġornata tirrifletti t-tkabbir kontinwu tal-Fondazzjoni, kif ukoll it-tisħiħ tal-identità tagħha kemm fuq il-baħar kif ukoll lil hinn minnu, filwaqt li tibqa’ leali lejn il-missjoni tagħha li tintroduċi żgħażagħ fl-isport tal-ibburdjar.
Din l-inizjattiva tirrappreżenta l-ewwel stadju ta’ proġett vast li qed jitwettaq fi sħubija ma’ wieħed mis-sostenituri ewlenin tal-Fondazzjoni: MMH Malta Ltd. Dawn iffinanzjaw il-branding taż-żewġ jottijiet tal-JYSF, Jarhead u JYS Jan. Il-wrapping ta’ Jarhead issa tlesta, filwaqt li dak tal-yacht JYS Jan se jkun żvelat fil-ġimgħat li ġejjin b’kulur differenti iżda b’disinn ikkoordinat.
Preżenti għat-tnedija kien hemm ukoll l-Kap Eżekuttiv ta’ MMH Malta Ltd, Angelique Abela, fejn ir-rabta tagħha mal-Fondazzjoni tmur lura diversi snin, fejn bosta drabi kienet membru ta’ diversi ekwipaġġi tal-Fondazzjoni.
Il-Fondazzjoni Jarhead, b’mod konsistenti, ipparteċipat fir-Rolex Middle Sea Race, b’taħlita ta’ skippers b’esperjenza u baħħara żgħażagħ. L-ekwipaġġi tagħha jgħaddu minn taħriġ rigoruż maħsub mhux biss biex itejbu l-prestazzjoni, iżda wkoll biex irawmu kultura ta’ teamwork, dixxiplina u li joħolqu ħbiberiji sodi.
Għalkemm ħafna drabi huma iżgħar fl-età u b’inqas esperjenza minn ħafna mill-avversarji tagħhom, it-timijiet tal-Fondazzjoni xorta rnexxielhom jiksbu suċċessi notevoli matul is-snin, inkluż klassifikazzjonijiet fuq il-podju fil-klassi rispettiva tagħhom.
