Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ċaħdet appell tal-Avukat Ġenerali fil-konfront ta’ Salvatore Licciardello. Il-każ kien jikkonċerna serq ta’ patrimonju Malti li jinkludi ġojjelli u ornamenti sagri minn kwadru tal-Madonna fil-Knisja ta’ Santu Wistin, fir-Rabat, Għawdex, każ li jmur lura 18-il sena,
Ir-raġel kien inħeles mill-akkużi kollha nkluż ta’ ħsara fuq propjetà kulturali u monumenti, li kien mixli bihom. Is-sentenza mill-Qorti tal-Maġistrati tal-14 ta’ Jannar 2019 sabet lil Licciardello mhux ħati u illiberatu minn kull akkuża. Is-serqa kienet saret fit-23 ta’ Lulju, 2007.
L-Avukat Ġenerali ressaq appell, iżda dan ġie misjub “fuori termini” jiġifieri tardiv skont il-liġi u għalhekk miċħud. Is-sentenza tal-ewwel qorti għalhekk se tibqa’ fis-seħħ, u l-appell tal-Avukat Ġenerali ġie miċħud minħabba nuqqas ta’ konformità proċedurali, mingħajr ma daħlet fl-analiżi tal-provi fuq il-mertu tal-każ.
L-Avukat Ġenerali ressaq appell fl-4 ta’ Frar 2019, talab lill-Qorti tal-Appell biex tirrevoka s-sentenza u tordna li ssir il-kundanna, filwaqt li sostna li l-ewwel qorti żbaljat fl-applikazzjoni tal-liġi u fl-apprezzament tal-provi, partikolarment rigward impronta diġitali li nstabet fuq il-gwarniċ tal-fidda tal-kwadru tal-Madonna.
L-Avukat Ġenerali argumenta li l-impronta kienet unika għal Licciardello u li kienet tikkonferma involviment tiegħu fis-serqa, filwaqt li l-ewwel qorti ma qisitx b’mod korrett il-kuntest u l-ċirkostanzi ta’ kif instabet l-impronta.
Id-difiża ta’ Licciardello qalet li l-appell sar tard u għalhekk għandu jitqies bħala null, u sostniet li l-apprezzament tal-ewwel qorti kien korrett u għandu jibqa’ fis-seħħ. Il-Qorti tal-Appell eżaminat il-proċedura skont il-liġi, li jistabbilixxu l-perjodi ta’ żmien għall-Avukat Ġenerali biex jippreżenta appell.
Is-sentenza tal-Maġistrati ngħatat fil-14 ta’ Jannar 2019, u l-Avukat Ġenerali rċieva l-atti tal-każ fis-17 ta’ Jannar 2019. Skont il-liġi, kellu 12-il ġurnata tax-xogħol biex jippreżenta l-appell, li tfisser li t-terminu kien jispiċċa fl-1 ta’ Frar 2019. L-appell ġie ppreżentat biss fl-4 ta’ Frar 2019, jiġifieri wara l-perjodu stabbilit.
Il-Qorti tal-Appell aċċettat l-eċċezzjoni preliminari ta’ Licciardello, iddikjarat l-appell tal-Avukat Ġenerali bħala għalhekk huwa null u bla effett, u għalhekk ma daħlitx fl-analiżi tal-mertu tal-każ, inkluż l-impronta diġitali.
Għaldaqstant is-sentenza tal-Maġistrati li illiberat lil Salvatore Licciardello minn kull akkuża tibqa’ fis-seħħ, u l-appell tal-Avukat Ġenerali ġie miċħud minħabba nuqqas ta’ konformità proċedurali.
//= $special ?>