Il-qawwiet tal-ajru Iżraeljani, fl-aħħar sigħat, wettqu l-akbar attakk ‘sallum’ fuq il-milizji tal-Houthi fil-Jemen….Il-Houthi huma fost l-akbar alleati tal-Iran fundamentalista u l-azzjoni tal-Iżraeljani kienet reazzjoni għad-diversi attakki bil-missili u d-drones fuq arthom min-naħa tal-Jemen.
Il-Qawwiet tad-Difiża Iżraeljani sostnew li għexieren ta’ ajruplani tal-gwerra miraw speċifikament għall-entitajiet tas-sigurtà u s-servizzi sigrieti tal-Houthi – bl-ajruplani jattakkaw ukoll lil xi zoni fil-belt ta’ Sanaa.
Il-Gvern tal-Houthi, sadanittant, ikkundanna l-attakki bħala ‘reat brutali’, waqt li sostna li l-missili tal-Iżraeljani laqtu lill-faċilitajiet ċivili u diversi bini residenzjali.
Ir-rapporti minn Sanaa sostnew li nqatlu numru ta’ nies, fosthom ċivili.
Fis-sigħat ta’ qabel l-attakk, numru ta’ drones sparati mill-Houthi kienu laqtu l-inħawi ta’ Eilat, resort Iżraeljan li jmiss mal-Baħar l-Aħmar u fejn irriżultaw ‘il fuq minn 25 midruba.
Il-Houthi ilhom jikkontrollaw l-artijiet fil-majjistral tal-Jemen mindu, għaxar snin ilu, qaċċtu lill-Gvern li kien igawdi għarfien internazzjonali…Żvilupp li kien wassal għal gwerra ċivili qalila.
Fil-fatt, il-Houthi ilhom jattakkaw lil Iżrael u lill-bastimenti ta’ pajjiżi oħra fil-Baħar l-Aħmar u l-Golf ta’ Aden mill-bidu tal-konflitt bejn l-Iżraeljani u l-Ħamas ( f’Gaza) f’Ottubru tal- 2023….Dan l-intervent, fi kliem il-Houthi, kien qed isir b’espressjoni ta’ appoġġ għall-Palestinjani.
Fl-istess ħin, Iżrael, fl-aħħar xhur, wettaq numru sostanzjali ta’ attakki mill-ajru fuq il-Jemen b’ritaljazzjoni għal dan l-aġir ostili min-naħa tal-Houthi — u meta beħsiebu jkompli bl-azzjonijiet sakemm jelimina din it-theddida għal niesu.
//= $special ?>