Kummerċ Lokali

Il-kuluri mistennija jispikkaw fil-Colour My Run ta’ dis-sena

Bank of Valletta jippromwovi l-benesseri

Il-Bank of Valletta jinsab kburi li, għal sena oħra, qed jerġa’ jissieħeb mal-Colour My Run, l-avveniment li sar magħruf bħala l-iktar ‘fun run’ ferrieħa f’Malta. Il-mixja jew ġirja ta’ 5km mimlija kuluri terġa’ lura nhar il-Ħadd, 2 ta’ Novembru fid-9 ta’ filgħodu. Forti Manoel se jipprovdi sfond mill-isbaħ għal dak li mistenni jerġa’ jkun avveniment mimli kuluri, daħk u spirtu ta’ komunità.

B’differenza minn tlielaq tradizzjonali, Colour My Run mhix dwar il-kompetizzjoni jew il-ħinijiet. Minflok, hija dwar li tgawdi ftit sigħat f’kumpanija tajba, kemm jekk tagħżel li tiġri jew sempliċement timxi. L-esperjenza hija mfassla għal kulħadd, sew jekk familji bit-tfal, gruppi ta’ ħbieb, kollegi jew individwi li sempliċement iridu jieħdu sehem f’attività pożittiva u li ttella’ l-moral. L-edizzjoni tas-sena li għaddiet attirat ’il fuq minn 1,200 parteċipant, u din is-sena qed nistennew li tkun akbar.

Ta’ min wieħed isemmi wkoll li l-avveniment tal-2025 se jappoġġja kawża sinifikanti. Id-dħul se jmur għall-Fondazzjoni Richmond, bil-għan li jgħin lill-organizzazzjoni biex tkompli fil-ħidma vitali tagħha fil-qasam tas-saħħa mentali.

Waqt li tkellem dwar l-inizjattiva, Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, qal, “Colour My Run hija aktar minn esperjenza ta’ divertiment. Hija dwar l-għaqda bejn in-nies fi spirtu ta’ ferħ u inklużjoni. Il-fatt li l-edizzjoni ta’ din is-sena se tgħin ukoll lill-Fondazzjoni Richmond jagħmilha saħansitra aktar speċjali. Aħna bħala BOV kuntenti ħafna li nappoġġjaw avveniment li mhux biss iqiegħed tbissima fuq wiċċ in-nies, iżda wkoll isaħħaħ l-importanza tal-benesseri fil-komunità tagħna.”

Għal Nathan Farrugia, l-organizzatur tal-avveniment, il-ġirja hija opportunità biex nuru li l-isport u l-moviment huma tajbin għal kulħadd. Huwa qal, “Aħna lkoll nistgħu ngawdu minn ftit aktar ferħ f’ħajjitna, u meta nidħku nużaw aktar muskoli milli taħsbu! Għalhekk ħsibna li ngħaqqdu d-divertiment mal-attività fiżika għall-familja kollha biex inħeġġu lil kulħadd jibqa’ attiv kemm għas-saħħa fiżika kif ukoll għas-saħħa mentali. Nafu li dan l-avveniment ħafna drabi jkun il-bidu biex il-parteċipanti jkomplu jagħmlu xi forma ta’ eżerċizzju, għalhekk inħeġġu lil kulħadd jiġi, jingħaqad mad-divertiment u jgħix l-esperjenza #RunHappy!”

Daniela Calleja Bitar, Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond, saħqet dwar l-impatt tal-ġbir ta’ fondi tal-avveniment u spjegat li, “Kull pass li tagħmlu u kull kulur li taqsmu f’dan l-avveniment jibgħat messaġġ ta’ tama. Għan-nies li aħna nappoġġjaw, li jkunu jafu li tant nies qegħdin warajhom, jagħmel differenza ta’ vera. Colour My Run hija ċelebrazzjoni ta’ kompassjoni, ta’ komunità, u ta’ twemmin li flimkien nistgħu nagħtu aktar dawl f’ħajjet dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli minħabba s-saħħa mentali tagħhom.”

Bis-saħħa tad-divertiment, kulur u skop, Colour My Run mistennija terġa’ żżejjen il-gżejjer Maltin u l-parteċipanti se jibqgħu jgħożżu l-memorji tagħha. Ir-reġistrazzjonijiet issa miftuħa fuq colourmyrun.com.