Il-Partit Nazzjonalista jħabbar proposta għal miżura ġdida li tinċentiva ġenituri li jkollhom aktar minn wild wieħed: tax band ġdida li tħalli €8,500 fis-sena lil dawn il-familji
Il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-serjetà fit-tisħiħ tal-familji Maltin u Għawdxin u fid-dritt tal-ġenituri li jgawdu lil uliedhom waqt li jsibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin li jqattgħu flimkien.
Irridu li f’Malta jkollna familji li jgħixu biex jaħdmu, mhux jaħdmu biex jgħixu. Mill-kliem irridu ngħaddu għall-fatti.
Wara li ressaq diversi proposti għal miżuri intiżi li jagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar lin-nies billi jinstab bilanċ bejn il-ħin tax-xogħol u l-familja, il-Partit Nazzjonalista llum qed iressaq miżura ġdida favur il-familja li minnha se jgawdu dawk il-ġenituri li jkollhom aktar minn wild wieħed.
B’din il-miżura, se nwieżnu lil dawn il-familji u ngħinuhom biex jegħlbu l-piż finanzjarju li f’ħafna każi qed ikun il-kaġun li l-familji Maltin u Għawdxin jagħżlu li ma jkollhomx aktar minn wild wieħed.
Diversi studji juru li t-trobbija ta’ wild sal-età ta’ 18-il sena tiswa bejn €7,000 u €9,000 fis-sena.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li f’pajjiżna tiddaħħal it-tieni tax band għal dawk il-ġenituri li jkollhom aktar minn wild wieħed. Din il-bracket ġdida tat-taxxa – li tkun tissejjaħ “Parent 2” – tħalli €8,500 aktar fis-sena lil dawk il-familji li jagħżlu li jkollhom aktar minn wild wieħed. Appuntu kemm għandhom bżonn għal kull wild.
Kien Gvern Nazzjonalista li fl-2012 kellu l-kuraġġ jintroduċi tax bands li jinċentivaw lill-ġenituri billi daħħal il-parent tax rate, u din il-miżura ġdida mħabbra llum tkompli tinkoraġġixxi lill-familji żgħar tagħna biex ikollhom it-tfal.
Nafu li f’pajjiżna r-rata tat-twelid naqset, kif jaf ukoll il-Gvern li permezz tal-Ministru Clyde Caruana u tad-Deputata Ramona Attard, ammetta li hawn problema u pprova jagħmel tiegħu miżuri li ħabbar il-Partit Nazzjonalista f’dan ir-rigward.
Fl-aħħar jiem il-Partit Nazzjonalista kompla jisma’ aktar dwar it-tħassib jekk Malta hux se jkollha Maltin fil-futur. Kien fid-dawl ta’ dan li l-PN qed joħroġ b’din il-proposta studjata li fil-jiem li ġejjin se jkun qed ikompli juri x’benefiċċji għandha, kemm se tiġi tiswa u kif se titħallas. Biex in-numru ta’ Maltin f’pajjiżna ma jonqosx, ir-rata tat-twelid trid tilħaq 2.1 għal kull mara, u dan huwa proprju dak li tindirizza din il-miżura.
Kif spjega l-Kap tal-PN Alex Borg ftit tal-jiem ilu, dan hu l-mument li nieħdu azzjoni biex insaħħu lill-familji tagħna u lil pajjiżna.
Hekk jagħmlu wkoll il-miżuri l-oħra li diġà ħabbar il-Partit Nazzjonalista, fosthom dik tal-estensjoni tal-leave mħallas tal-ġenituri għal sena sħiħa li tapplika għall-ħaddiema kollha kemm fis-settur pubbliku u anke f’dak privat – miżura li jagħmel tajjeb għaliha l-Gvern.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana biex iwettaq din il-miżura ġdida tat-tax band għall-ġenituri ta’ aktar minn wild wieħed fil-budget li se jħabbar ix-xahar id-dieħel għall-2026.
Fin-nuqqas ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista jwiegħed li se jkun qed jimplimenta dawn il-miżuri li jsaħħu lill-familji tagħna kif ikun elett fil-gvern.
Stqarrija ffirmata mix-Shadow Ministers Graham Bencini, Ivan Castillo u Albert Buttigieg.
//= $special ?>