Ir-riċerka turi li ż-żieda fil-leave tal-ġenituri mhijiex soluzzjoni garantita biex jitjiebu r-rati ta’ fertilità.
Il-Kamra tal-Kummerċ, l-intrapriża u l-industrija tagħraf l-importanza ta’ policies sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja, tal-familji u jsaħħu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.
Madankollu, waqt li l-Kamra tappoġġja inizjattivi li jnaqqsu l-pressjonijiet fuq il-familji li jaħdmu, dawn il-policies għandhom jiġu mfassla b’attenzjoni u b’mod sostenibbli.
Ir-riċerka turi li ż-żieda fil-leave għal ġenituri ma jservix ta’ garanzija li l-problema tat-tnaqqas fir-rati tal-fertilità tissolva. Mill-istudju, ħareġ li filwaqt li hemm każijiet fejn leave itwal u mħallas jista’ jkollu riżultati pożittivi, jidher li hemm ħafna aktar raġunijiet li jekk dawn ma jiġux indirizzati, tkun qed toħloq policies li jiswew ħafna flus u li jħallu biss effett żgħir. Fost id-diversi problemi li għandhom jiġu ndirizzati, il-Kamra semmiet bħaż-żieda fil-prezzijiet tad-djar, l-instabbiltà u l-limitazzjonijiet ekonomiċi, l-għoli tal-ħajja, in-nuqqas ta’ soluzzjonijiet ta’ childcare, kif ukoll id-diffikultajiet biex wieħed ilaħħaq bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja. Dawn kollha għandhom impatt ferm akbar fuq id-deċiżjonijiet li wieħed jieħu dwar il-familja tiegħu.
Il-Kamra tal-Kummerċ qed titlob sabiex ikun hemm approċċ bilanċjat f’dan il-każ sabiex il-benesseri tal-familji jibqgħu protetti waqt li fl-istess ħin inżommu n-negozji kompetittivi. Fost diversi proposti, proposta minnhom hi dwar il-bżonn li deċiżjonijiet fuq policies bħal dawn għandhom ikunu bbażati fuq riċerka li tirrifletti r-realtajiet ta’ Malta. Intant, irrimarka l-bżonn ukoll li jiġu mplimentati miżuri ġodda u sostenibbli, kemm finanzjarjament kif ukoll amministrattivament.
//= $special ?>