Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li nqabad isuq meta suppost kien id-dar u kellu l-kokaina

Jason Zammit, magħruf bħala il-Pajsu, ta’ 49 sena minn tal-Pietà, reġa’ tressaq il-qorti – l-Ġimgħa wara li ġie arrestat għax instab isuq barra l-ħinijiet tal-curfew tiegħu. Huwa twaqqaf għall-ħabta tat-3:00am, wara li l-pulizija qalulu biex jieqaf iżda waqaf biss wara madwar 20 minuta.

Fil-karozza tiegħu nstabet borża b’żewġ grammi ta’ sustanza suspettata kokaina. Aktar tard, waqt tfittxija fir-residenza tiegħu f’Tal-Pietà, il-pulizija sabu miżien elettroniku u aktar sustanzi simili. Zammit, li hu bla xogħol u għandu passar kriminali li jmur lura sal-1998, ġie akkużat b’pussess ta’ kokaina, li wettaq reat fi ħdan 100 metru minn post frekwentat miż-żgħażagħ, li kien qed isuq mingħajr liċenzja u assigurazzjoni, u li ma obdiex ordnijiet leġittimi tal-pulizija.

Huwa kien akkużat ukoll li pprova jeqred jew jimmodifika traċċi ta’ reat, li kiser kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest u bħala reċidiv. L-akkużat wieġeb mhux ħati. Ma sar l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju, u għalhekk huwa nżamm arrestat.

L-Ispettur Jonathan Pace talab lill-qorti biex jiġi żgurat li Zammit jirċievi l-kura medika meħtieġa fil-ħabs. Din mhix l-ewwel darba li Zammit spiċċa fil-bank tal-akkużati. Aktar kmieni din is-sena kien tressaq ukoll fuq pussess ta’ kokaina u eroina.

Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Ian Azzopardi u Jonathan Pace, filwaqt li għall-akkużat dehru l-avukati Franco Debono, Marion Camilleri, Adreana Zammit u Matthew Xuereb.