Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, qajjem furur sħiħ waqt li kien qed jindirizza lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York – u fejn hu dikjara l-għarfien uffiċjali ta’ Stat Palestinjan bħala ‘ġennata assoluta’.
Netanyahu insista li pass fuq dan il-livell ma jagħmilx sens fiċ-ċirkustanzi tallum u li Iżrael se jkompli joġġezzjona bil-qawwi għal dan ir-rikonoxximent.
Il-Prim Ministru Iżraeljan qal li ‘huma ta’ għajb kbir’ id-dikjarazzjonijiet (dwar ir-rikonoxximent tal-Istat tal-Palestina) minn diversi pajjiżi – b’numru ta’ rappreżentanti tal-Istati joħorġu ‘il barra mis-sala fejn qed issir l-Assemblea, b’rappreżentanti oħrajn japplawdu lill-Mexxej Iżraeljan.
Benjamin Netanyahu sostna li d-diskors tiegħu fin-NU kien qed jasal lill-poplu ta’ Gaza permezz tal-loudspeakers fl-artijiet tal-Iżraeljani.
U waqt li hu indirizza direttament lill-ostaġġi Iżraeljani miżmuma mill-Ħamas f’Gaza, Netanyahu enfasizza li dawn ‘mhumiex minsijin…lanqas għal sekonda’. Hu wassal il-messaġġ li ll-ostaġġi għandhom l-appoġġ bla riservi tal-Iżraeljani kollha.
Id-diskors ta’ Netanyahu segwa d-dikjarazzjoni tal-President Amerikan Donald Trump fis-sens li mhux se jippermetti li Iżrael jgħaqqad ix-Xatt tal-Punent mat-territorju tiegħu b’mod permanenti.
Trump għandu jiltaqa’ ma’ Netanyahu nhar it-Tnejn, fi żmien meta Iżrael qed jiffaċċja dejjem aktar pressjoni fuq livell globali biex itemm il-konflitt mal-Palestinjani flimkien mal-okkupazzjoni tax-Xatt tal-Punent.
Min-naħa tiegħu, il-President Palestinjan, Mahmoud Abbas, irrepeta li qed jiċħad għal xi rwol għall-Ħamas fi Gvern futur għall-Palestinjani, filwaqt li sejjaħ għad-diżarm ta’ dan il-grupp terroristiku.
//= $special ?>