Lokali

L-MUBE tinsisti li l-offerta tal-bank hi “inaċċettabbli” – jidħlu mill-ġdid id-direttivi għall-ħaddiema

Mid-9am, il-union tal-bankiera (MUBE) ordnat li jidħlu fis-seħħ id-direttivi għall-ħaddiema tal-HSBC. Dan wara li t-taħditiet mal-bank dwar il-kumpens dovut lill-impjegati ma wasslu għall-ebda żblokk.

F’komunikat intern, l-MUBE iddeskriviet l-offerta tal-bank HSBC bħala “inaċċettabbli”.

Apparti minn hekk, jidher li l-bank ried li l-ħaddiema ma jistrajkwax, imbagħad tiġi diskussa l-offerta – xi ħaġa li ġiet kundannata mill-MUBE.

Għalhekk, il-union qed terġa’ toħroġ direttivi ċari lill-ħaddiema biex ma jweġbux telefown, ma ssir ebda forma ta’ komunikazzjoni, ma jużawx is-sistemi tal-bank u ma jattendux laqgħat.

Fil-bidu tal-ġimgħa, Net News irrapporta li din il-kwistjoni kollha hija marbuta mal-kumpens li huwa dovut lill-ħaddiema ta’ dan il-bank. B’sorsi jindikaw li skont il-ftehim kollettiv, l-impjegati tal-HSBC għandhom jieħdu kollettivament bejn €50 miljun u €60 miljun.